Lokali Qorti

Illum ikomplu jitressqu aktar persuni b’rabta mas-serqa tal-isptarijiet fosthom Chris Fearne u Edward Scicluna

 L-Eks Deputat Prim Ministru Fearne, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Scicluna u Eks Ministru tal-Finanzi flimkien ma’ 13-il persuna oħra, fosthom tliet impjegati taċ-ċivil, se jkunu qed jitressqu l-Qorti, quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana għall-ħabta tal-11am.

Huma se jiġu akkużati fost oħrajn b’rabta ma’ każ ta’ frodi b’rabta fuq il-każ tal-isptarijiet. Wara li lbieraħ tressqu 14-il persuna oħra fosthom l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Chief of Staff tiegħu Keith Schembru u l-Eks Ministru Konrad Mizzi, f’sigurtà liema bħala, l-Erbgħa filgħodu taħt sitwazzjoni aktar kalma se jitressqu aktar persuni.

Fearne u Scicluna, kif ukoll dawk kollha akkużati magħhom, għandhom jiġu akkużati bi frodi u li kienu jafu bil-qerq li kien qed isir u ma aġġixxewx kif kellhom id-dmir li jagħmlu. Huma qed jiffaċċjaw ukoll akkużi ta’ misapproprjazzjoni.

Il-lista ta’ dawk akkużati flimkien ma’ Fearne u Scicluna tinkludi l-Eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, is-Segretarju Permanenti attwali Ronald Mizzi, il-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni James Camenzuli, Manuel Castagna u Robert Borg, il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara, kif ukoll ħames avukati: Kevin Deguara , Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.

Fl-inkjesta ta’ 1,200 paġna, Fearne u Scicluna – li se jiġu akkużati għal reati inqas gravi minn dawk li tressqu nhar it-Tlieta.  Madankollu, iż-żewġ Eks Ministri huma akkużati li naqsu li jieħdu azzjoni biex iwaqqfu l-ħtif ta’ fondi pubbliċi.

L-involviment jew in-nuqqas ta’ Chris Fearne f’diversi stadji tal-konċessjoni tal-isptarijiet huwa evidenti f’diversi skambji ta’ emails dwar il-ftehim. Skont l-inkjesta, fl-2014 meta Fearne ġie promoss għal Segretarju Parlamentari għas-Saħħa fil-ministeru ta’ Konrad Mizzi, l-accountant Brian Tonna bagħat email lil Fearne biex jiddiskuti l-isptarijiet Mater Dei u San Luqa.

Madankollu, qabel ma bagħtu, Tonna bagħat dokument lil Mizzi u staqsa, jekk Fearne hux konxju minn kollox. Fir-risposta ta’ Mizzi, hemm x’jifhem sew kemm Fearne kien ġie njorat u għalhekk hemm l-involviment minn naħa tiegħu, għalkemm mhux sa barra.

Konrad Mizzi kien qal lil Tonna li kien se jaġġorna lil Fearne dakinhar stess imma xorta waħda kien se jipproċedi.  L-investigaturi innutaw: “L-iskambji jidhru li jissuġġerixxu li l-Ministru tas-Saħħa ta’ dak iż-żmien kellu konflitt ma’ Brian Tonna, li kien għaddej minn wara Chris Fearne, fir-rigward ta’ proġetti tal-kura tas-saħħa.”

Bl-istess mod, ftit jiem qabel dan l-iskambju meta Tonna kien talab laqgħa qasira ma’ Mizzi u Fearne, kien talab speċifikament biex jiltaqa’ ma’ Mizzi waħdu eżatt qabel.

Ġie indikat ukoll ir-rwol ta’ Fearne bħala Ministru tas-Saħħa, hekk kif ġie nnutat li l-ministeru tiegħu kien involut fil-ħlas tal-obbligi finanzjarji taħt il-konċessjoni.

L-Ispetturi Wayne Rodney Borg u Hubert Cini se jmexxu l-Prosekuzzjoni bl-assistenza tal-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Francesco Refalo, Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina.