Lokali

Ir-rwol tas-soċjetà ċivili fil-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni – Repubblika

“Nesprimu d-diżappunt tagħna, mingħajr ma nonqsu mir-rispett lejha, bid-deċiżjonijiet tal-Qrati li ma laqgħux it-talba tagħna li nkunu kostitwiti parte civile biex nirrappreżentaw l-interessi tal-vittmi tal-korruzzjoni fil-bejgħ tal-isptarijiet fil-prosekuzzjoni ta’ dawk akkużati b’dan ir-reat.” Dan qalitu Repubblika fi stqarrija maħruġa t-Tlieta filgħodu.

“Għamilna l-argument li din il-prosekuzzjoni qed isseħħ wara li saret inkjesta maġisterjali bl-inizjattiva tagħna. Il-liġi tagħtna d-dritt niltobu li ssir inkjesta wara li l-Pulizija falliet li twettaq dmirha. Imma, għalkemm Qrati differenti għandhom interpretazzjoni differenti, il-liġi kif inhi hi siekta dwar jekk organizzazzjoni bħal tagħna għandhiex id-dritt tkompli tirrappreżenta lill-vittmi tal-korruzzjoni meta tibda l-prosekuzzjoni.

Ser nibqgħu nagħmlu l-argument quddiem il-Qrati li hu xieraq li nitħallew nintervjenu parte civile f’dawn il-prosekuzzjonijiet għax il-vittmi tal-korruzzjoni ħaqqhom ġustizzja u xi ħadd irid jitkellem għalihom.

Fl-istess waqt intennu wkoll li:

1.⁠ ⁠Il-korruzzjoni hi reat li għandu vittmi. Il-fatt li prattikament kulħadd hu vittma tal-konsegwenzi tas-serq fil-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, m’għandux ifisser li ħadd m’għandu dritt jitkellem f’isem il-vittmi u jipproteġi l-interessi tagħhom fil-Qorti waqt il-prosekuzzjoni ta’ dawk akkużati li wettqu r-reat.

2.⁠ ⁠Għandu jkun espliċitu fil-liġi li għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu għall-interess pubbliku u kostitwiti għal dak l-iskop għandu jkollhom locus standi rikonoxxut biex ikunu jistgħu jintervjenu fil-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni.

3.⁠ ⁠Malta diġà qed tiffaċċja azzjoni legali mill-Kummissjoni Ewropea għax qed tħalli fid-dubju d-dritt tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili jintervjenu f’kawżi relatati mal-ambjent. Id-direttiva l-ġdida dwar l-ekoċidju tagħmel aktar espliċitu l-obbligu tal-Istati Membri li jipprovdu fil-liġi tagħhom id-dritt ċar tal-għaqdiet tas-soċjetà ċivili li jintervjenu fil-prosekuzzjoni ta’ dawk akkużati b’dawn ir-reati. Nemmnu li l-istess loġika għandha tapplika għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni.”

Repubblika ġġedded l-impenn tagħha li tiġġieled il-korruzzjoni u titkellem f’isem il-vittmi tagħha b’kull mezz tal-liġi.