Lokali

Nhar il-Ħadd l‑Arċisqof imexxi ċ-ċelebrazzjoni u l-purċissjoni ta’ Corpus Christi

L-Arċisqof iċċelebra Pontifikal fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi) mill-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta. Il-quddiesa kompliet bil-purċissjoni bl-Ewkaristija mat-toroq ewlenin tal-Belt - 11/06/23Aktar ritratti: knisja.mt/ritratti

Nhar il‑Ħadd li ġej il‑Knisja f’Malta tiċċelebra s‑Solennità tal‑Ġisem u d‑Demm Imqaddes ta’ Ġesù (Corpus Christi). L‑Arċisqof Charles Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, fil‑Belt Valletta, fid‑9:30am u kulħadd huwa mistieden jattendi.

Fi tmiem il‑quddiesa, l‑Arċisqof se jmexxi purċissjoni tradizzjonali bl‑Ewkaristija mat‑toroq ewlenin tal‑Belt Valletta. Din se tibda mill‑Konkatidral ta’ San Ġwann u tgħaddi minn Triq il‑Merkanti, Triq l‑Arċisqof, tieqaf quddiem il‑knisja ddedikata lil Sidtna Marija ta’ Damasku fejn il‑Papas Martin Zammit, il‑kappillan tal‑parroċċa Griega‑Kattolika,  jinċensa l‑Ewkaristija f’att ta’ qima, tkompli għal Triq ir‑Repubblika u tintemm fil‑Konkatidral.

B’rabta maċ‑ċelebrazzjoni tal‑festa ta’ Corpus, għada l‑Ħamis, 30 ta’ Mejju, l‑Arċisqof Scicluna se jiċċelebra quddiesa fil‑Knisja Parrokkjali ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi, li tibda fis‑6pm. Wara jmexxi purċissjoni b’Ġesù Ewkaristija li tgħaddi mit‑toroq ewlenin tal‑parroċċa bis‑sehem tal‑Fratellanza tas‑Santissimu Sagrament, li din is‑sena qed tfakkar l‑450 anniversarju mit‑twaqqif tagħha.

Il‑festa ta’ Corpus hi ġrajja li seħħet lejlet il‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù Kristu, nhar Ħamis ix‑Xirka għaliex proprju dakinhar, fil‑preżenza tal‑appostli, Kristu waqqaf is‑Sagrament tal‑Ewkaristija. Iżda minħabba li l‑enfasi f’dawk il‑jiem ikun fuq s‑solennità tal‑mewt u l‑qawmien ta’ Ġesù, il‑festa ta’ Corpus bdiet tiġi ċċelebrata l‑Ħamis fuq il‑festa tat‑Trinità Qaddisa. Meta l-festa ta’ Corpus ma baqgħetx meqjusa bħala btala pubblika f’Malta, din bdiet tkun iċċelebrata l‑Ħadd fuq il‑festa tat‑Trinità. F’dan il‑jum tant importanti għall‑Knisja, il-Kattoliċi huma mħeġġa jaħsbu dwar l‑importanza ta’ Kristu Ewkaristija fil‑ħajja tagħhom.