Internazzjonali Lokali

UE: Il-kwistjoni bejn il-Gvern Malti u l-ġudikatura qanqlet il-paraguni mal-kriżi fil-Polonja

L-osservaturi u s-sorsi infurmati f’Malta u Brussell indikaw li l-mod kif il-Gvern Malti qed jaġixxi fil-konfront tal-Qrati u l-ġudikatura ta’ pajjiżna bilfors li qed jaqa’ taħt il-lenti – u skrutinju – ta’ Brussell.

Dawn is-sorsi, għalissa, ma indikawx jekk Malta, ‘il quddiem, tistax ‘ukoll’ tispiċċa suġġetta għall-mekkaniżmu magħruf bħala Artiklu 7 – mekkaniżmu li ntuża diġà fil-konfront tal-Polonja wara li l-Gvern preċedenti f’dan il-pajjiż kien beda kampanja ta’ attakki u kalunji bla rażan kontra l-ġudikatura.

L-azzjonijiet kienu parti minn politika sistematika tal-Eks Gvern immexxi mill-PiS u l-alleati biex il-Qrati fil-Polonja titneħħihom is-saħħa  waqt li huma jispiċċaw kostretti li jbaxxu rashom ‘bilfors’ għax-xewqa tal-amministrazzjoni ċentrali.

Filwaqt li l-Polonja, illum, qalbet il-paġna hi u tikkonsolida r-relazzjonijiet aħjar ma’ Brussell, l-osservaturi qed iwissu dwar l-importanza li r-rule of law f’Malta tibqa’ tingħata r-rispett li jixirqilha. Xejn anqas importanti hu li l-Gvern bl-ebda mod ma jinsisti b’sitwazzjoni fejn il-Qrati u l-ġudikatura jispiċċaw il-ġugarelli ta’ partit politiku li jkun rebaħ il-maġġoranza assoluta f’elezzjoni ġenerali.

Il-Prim Ministru tal-Polonja, Donald Tusk, issa wiegħed li  pajjiżu mhu se jirrepeti ‘qatt’ l-aġir tat-tmexxija preċedenti (f’Varsavja)  Qati  – u fost impenn biex il-politika tal-Gvern tiegħu tirrifletti l-kriterji liberi u demokratiċi li jinsisti dwarhom Brussell.

Dan ukoll meta l-Polonja m’għadhiex suġġetta għal Artiklu 7 li l-Unjoni Ewropea tirrikorri għaliha bħala ‘l-aħħar għażla’ kull meta xi pajjiż membru  jisfida lill-valuri fundamentali tal-Unjoni.

L-Artiklu 7 tat-Trattat tal-UE jaċċerta li għandhom jinżammu accountable l-Gvernijiet tal-Istati membri li, bl-aġir tagħhom, ikunu ta’ theddida għar-rule of law, ir-rispett tad-drittijiet umani u l-prinċipji demokratiċi għall-poplu partikulari. Mekkaniżmu li jippermetti s-sospenzjoni tad-drittijiet tal-‘pajjiż li jabbuża’ u li jaċċerta li l-pajjiżi kollha jimxu mal-valuri komuni tal-Unjoni.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Ewropew Věra Jourová, issa qalet li l-UE ma tikkunsidrax li jista’ għad hemm sogru ta’ abbuż serju tar-‘rule of law’ fil-Polonja. Deċiżjoni li saret formali sigħat ilu u wara kriżi li tmur lura għal Diċembru tal-2017, meta l-UE attivat l-Artiklu 7 fost l-allarm li l-aġir tal-Gvern Pollakk ta’ dak iż-żmien kien qed jinaqqarn bil-kbir mill-indipendenza tal-ġudikatura (fil-Polonja).

Il-Partit radikali PiS (għal-Liġi u Ġustizzja) f’dak il-perjodu kien irriforma l-istruttura tal-Qrati fil-Polonja b’mod mill-aktar antidemokratiku u fejn kien anki waqqaf ħesrem il-mandati tal-Imħallfin .

L-Unjoni Ewropea, imbagħad, esprimiet kemm-il darba l-inkwiet u kundanna dwar il-politika tal-Eks Gvern Pollakk biex jaħtar lill-persuni meqjusa bħala ħbieb u persons of trust fl-ogħla karigi tal-ġudikatura – sitwazzjoni paragunabbli għal ta’ Malta fejn l-attakki u l-indħil lill-Qrati min-naħa tal-Gvern u n-nies imqabbdin minnhom illum saru, ftit jew wisq, in-norma.