Il-Ministru Silvio Schembri jibqa’ jiddefendi lis-Segretarju Permanenti Ronald Mizzi
Mhux se nikkummenta dwar il-ħidma tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Hekk sostna l-Prim Ministru Robert Abela wara li kemm ix-xhieda tas-Suprintendent tal-Pulizija Rennie Stivala, u anke tal-Ispettur Wayne Rodney Borg, ikkonfermat li minn naħa tal-Pulizija ma saret ebda investigazzjoni parallela tal-Pulizija dwar l-iskandlu Vitals – minkejja l-fatt li kien infetaħ file.
Net News staqsa lil Abela x’inhuma l-kummenti tiegħu b’rabta ma’ dan kollu, bil-Prim Ministru l-ewwel jgħid li ma kienx se jikkummenta dwar il-ħidma tal-Kummissarju Angelo Gafà – imbagħad għal darb’oħra immina r-reputazzjoni tal-Maġistrat Gabriella Vella fejn ma eskludiex li x-xogħol min-naħa tal-Kummissarju tal-Pulizija ma sarx għax għalqitlu l-bieb hi.
Net News bagħat sensiela ta’ domandi lill-Kummissarju tal-Pulizija: fost oħrajn għalfejn ma ħa ebda azzjoni… u min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà fl-eventwalità li tali nuqqas ta’ azzjoni tissarraf f’detriment għall-ġustizzja. Madanakollu, s’issa, ma rċevejna ebda tweġiba.
Intant, Net News staqsa lil Abela għalfejn it-tmexxija tal-Labour ħalliet waħdu barra u fil-Qorti lid-Deputat Mexxej Laburista u Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne… b’Abela jisħaq li qatt mhuwa se jabbandunah.
Dan minkejja li minn Abela ‘l isfel, ħadd ma kien preżenti biex jagħti sostenn lil Chris Fearne.
B’rabta mal-Eks Ministru Laburista l-ieħor li tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ frodi, Edward Scicluna, staqsejna lil Prim Ministru jekk hux hu qed jagħmel pressjoni fuq il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali biex ma jirriżenjax… b’Abela jkompli jiddefendi lil Scicluna.
Intant il-ġurnalisti preżenti staqsew lil Abela x’jaħseb dwar il-fatt li d-Deputat Indipendenti Rosianne Cutajar qed tikkampanja għal-Labour.
Aktar tard Net News staqsa lill-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri dwar is-Segretarju Permanenti tiegħu, Ronald Mizzi, li wkoll qed iħabbat wiċċu ma’ diversi akkużi b’rabta mal-Inkjesta Vitals. Il-Ministru baqa’ jiddefendih.
//= $special ?>