Il-President tal-Partit Laburista Ramona Attard qalet li l-Pulizija ssejħu wara ħoss ta’ splużjoni żgħira fuq barra taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.
“Ħadd ma weġġa’ u ma kienx hemm ħsarat”, qalet Attard.
Bħalissa għaddej l-istħarriġ tal-Pulizija. Ramona Attard ma setgħetx tgħid meta eżatt ġew infurmati l-Pulizija.
Aktar kmieni, il-Prim Ministru Robert Abela qal li s-sitwazzjoni hija waħda ta’ kalma.

AKTAR KMIENI
Ftit wara t-8am, numru kbir ta’ Pulizija ssejħu barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fuq rapport li kien daħal fid-Depot.
Sa issa, mhux magħruf eżatt dwar xiex sar ir-rapport.
Li hu żgur hu, li fuq barra u fuq ġewwa tal-Kwartieri tal-Labour waslu ammont kbir ta’ Pulizija, u vetturi tal-Korp.
It-triq taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tinsab magħluqa.
Intant, sa siegħa wara, il-midja Laburista kienet għadha ma rrappurtat xejn dawr dak li għaddej. Imbagħad, aktar tard, is-Super One beda jirrapporta li l-Korp tal-Pulizija qed jinvestiga ħoss ta’ splużjoni żgħira li jidher li nstema’ matul il-lejl quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista. Il-midja Laburista qed tgħid li dan kollu seħħ f’dustbin barra ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista bil-lejl.

