Surrealment, il-Ħamis filgħaxija l-Partit Laburista, taħt it-tinda fl-Imqabba, iddiskuta t-tema tas-saħħa.
Wara jumejn bl-ogħla esponenti tal-Labour imressqa l-Qorti akkużati bi frodi b’rabta mal-isptarijiet, Robert Abela u sħabu riedu jiddiskutu t-tema tas-saħħa – ironikament mingħajr ma semmew it-tema tal-isptarijiet.
Waqt id-diskussjoni mmexxija, bħal kull ġimgħa, mill-Avukat Luke Dalli – li huwa fost l-avukati li qed jirrappreżentaw lill-istess Muscat fl-Inkjesta Vitals – preżenti kien hemm fost l-oħrajn il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela li ammetta li preżentament l-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei qed taffaċċja sfida bid-dewmien esaġerat, għalkemm wiegħed li fis-snin li ġejjin din se tkun qed tissolva.
Qalb appelli surreali biex jivvotaw lill-Partit Laburista jekk jixtiequ garanzija fis-settur tas-saħħa, wara li l-Gvern instab ħati ta’ kollużjoni fil-frodi ta’ Vitals u Steward b’miljuni ta’ ewro ħadd ma jaf fejn spiċċaw, Abela u sħabu bl-aktar mod ċar riedu jixħtu taħt it-tapit dak li ġara fl-aħħar jiem; fejn reġgħet feġġet ir-realtà ta’ xi jfisser is-settur tas-saħħa għal tal-qalba.
Matul id-diskussjoni ssemmew suġġetti delikati immens; mill-mard tal-kanċer sas-saħħa mentali – bid-deputat Michael Farrugia jkun fost dawk li ftaħar bil-passat. Dan minkejja li tul is-snin saħansitra kien joħroġ għonqu għal Konrad Mizzi.
Jekk xi ħadd kellu xi dubju jekk Vitals u Steward għamlux xi ħaġa fl-Isptar t’Għawdex, il-Ministru Jo Etienne Abela ħabbar li wara das-snin kollha u mijiet ta’ miljuni ta’ ewro, issa se jibda dak li l-Ministru sejjaħ “ristrutturar”.
Intant, jum wara l-ieħor, Abela qed jinżel fit-toroq jittallab għall-għajnuna tal-familji u s-saħħa tagħhom.
Il-verità hi li fl-aħħar snin ta’ tmexxija Laburista l-poplu Malti u Għawdxi spiċċa vittma ta’ frodi fis-settur tas-saħħa – ikkonfermata minn żewġ sentenzi tal-Qorti u b’żewġ Eks Ministri tas-Saħħa akkużati fil-Qorti bi frodi.
//= $special ?>