Kummerċ Lokali

Il-Grupp Farsons jirreġistra tkabbir stabbli minkejja l-isfidi f’suq kompetittiv

Il-Bord tad-Diretturi tal-Grupp Farsons opera f’ambjent ekonomiku u kompetittiv bi prudenza, u kellu tkabbir u profittabilità sinifikanti.

Louis A. Farrugia, iċ-Chairman tal-Grupp, ħabbar din iż-żieda fin-negozju u qal li l-attivitajiet kummerċjali baqgħet għaddejja matul is-sena finanzjarja 2024 ukoll u li ntemmet fil-31 ta’ Jannar 2024. Din ħalliet profitt qabel it-taxxa ta’ €16-il miljun għall-azzjonisti tagħna.”

Il-fatturat tal-Grupp laħaq rekord ta’ €132.9 miljun, żieda ta’ 12.4% mis-sena ta’ qabel. Is-settur tax-xorb kellu żieda ta’ 8.8% fid-dħul tiegħu u s-settur tal-ikel kiber bi 23%, bis-saħħa tal-ftuħ ta’ ħwienet ġodda tal-franchise u ż-żieda fid-domanda.

Il-Grupp saħħaħ ukoll l-investiment fir-riżorsi umani tiegħu b’żieda ta’ €3.3 miljun fi spejjeż marbutin mal-impjegati, li tfisser żieda ta’ 8.8% fil-paga medja ta’ kull impjegat. Il-forza tax-xogħol kibret b’5% u issa, għas-sena fnanzjarja 2024, hi ekwivalenti għal kważi 954 impjegat full-time (FTE).

Il-profitt qabel it-taxxa tal-Grupp laħaq is-€16-il miljun, jiġifieri 5% aktar mis-sena finanzjarja 2023, filwaqt li l-qligħ totali fuq il-fatturat naqas minn 14.1% għal 13.1%. Dan ġara minħabba kompressjoni tal-marġni li tirrifletti l-prudenza tal-Grupp li jassorbi parti miż-żieda fl-ispejjeż biex itaffi l-għoli tal-prezzijiet lill-klijenti tiegħu. L-EBITDA għal din is-sena ammontaw għal €27.8 miljun, 5.1% aktar mis-sena ta’ qabel.

Fil-kumment tiegħu għal dawn ir-riżultati, il-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, Norman Aquilina, qal li: “Għamilna progress sinifikanti biex nirfinaw il-pożizzjoni strateġika u nsaħħu l-kultura rebbieħa tagħna ħalli nkomplu niksbu iżjed riżultati pożittivi.”

Fi tmiem is-sena finanzjarja 2024, is-self nett kien ta’ €14.4 miljun, u l-proporzjon ta’ dejn-ekwità ta’ 9.7%. Il-Grupp żamm il-likwidità f’qagħda b’saħħitha u ħareġ il-ħlasijiet lill-fornituri tiegħu fil-ħin. L-ekwità totali żdiedet għal €148.7 miljun, minn €139.2 miljun fl-2023, bis-saħħa tal-profitti mfaddla.

Il-Grupp kompla jinvesti mill-ġdid fin-negozju tiegħu, lesta r-restawr tal-Birrerija l-Antika ikonika u ttrasformaha f’The Brewhouse. Minbarra l-premju tal-“Kumpanija tas-Sena” mill-Borża ta’ Malta, dan il-proġett ta’ The Brewhouse, li kien iffinanzjat internament, kiseb diversi premjijiet.

Tkomplew ukoll numru ta’ investimenti ekoloġiċi sinifikanti kif ukoll l-akkwist ta’ pannelli fotovoltajċi avvanzati u flotta ta’ vetturi approvati li jagħmlu inqas dannu lill-ambjent. Il-proġetti ewlenin tal-futur jinkludu faċilità tal-loġistika għalkollox awtomatizzata għas-settur tax-xorb, ċentru tal-loġistika ġdid u blokka uffiċċji f’Tal-Ħandaq għas-settur tal-ikel, li t-tnejn mistennija jitlestew sal-2026. Din l-aħħar faċilità għandha ttejjeb il-kapaċitajiet tal-ħażna u l-immaniġġjar tal-inventarju diġitali li lkoll għandhom jgħinu fit-tkabbir fis-settur tal-ikel tal-Grupp.

Louis A. Farrugia kkonkluda li l-azzjonisti se jintalbu japprovaw dividend finali ta’ 11ċ kull sehem. B’dan id-dividend finali, u wara d-dividend interim ta’ 5ċ kull sehem, ikun ifisser li tqassam dividend totali ta’ €5.76 miljun mir-riżultati ta’ din is-sena finanzjarja.”