Elezzjonijiet 2024 Għawdex Lokali

“Il-kandidati tal-PN se jkomplu jkunu vuċi serja għar-residenti”

“Il-kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista se jaħdmu f’isem ir-residenti għaliex verament iridu jaħdmu għal bliet u rħula aħjar kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.”

Dan kien il-messaġġ ewlieni tal-President tal-Kunsillieri Nazzjonalista Charles Bonello kif ukoll tax-Shadow Minister Alex Borg waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fiż-Żebbuġ, Għawdex.

Waqt id-diskors tiegħu Charles Bonello qal li l-Partit Nazzjonalista għandu 11-il proposta għal-lokalità taż-Żebbuġ Għawdex, bil-għan li r-residenti jkollhom ħajja aħjar.

Fost il-proposti hemm li tingħata attenzjoni lit-toroq u jkompli jingħata wiċċ ġdid, night and day shelter għall-anzjani, li ntejbu s-servizzi mediċi għal din il-lokalità, kif ukoll li ssir aktar pressjoni mal-gvern ċentrali sabiex il-breakwater f’Marsalforn isir realtà.

Charles Bonello saħaq ukoll dwar il-bżonn li tiġi indirizzata l-problema tal-iskart f’dan ir-raħal għaliex ħafna skart qed jagħmel jiem barra, kif ukoll jitkompla l-proċess ta’ amministrazzjoni ta’ propjetà pubblika tal-Batterija tal-Qbajjar bil-ħsieb li jsir ir-restawr tagħha.

Minn naħa tiegħu, ix-Shadow Minister għal Għawdex Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista għandu 56 kandidat għal Għawdex għal din l-elezzjoni, u li se jagħtu enerġija ġdida għall-gżira Għawdxija. Huwa sostna li l-kandidati kollha f’isem il-Partit Nazzjonalista se jkomplu jkunu vuċi serja għal-lokalità.

Il-kandidati f’isem il-Partit Nazzjonalista għaż-Żebbuġ Għawdex huma Diane Skinder, Michael Saliba, Daniel Cordina, Mario Portelli u Baskal Saliba.