Internazzjonali

Iżrael: L-Armata testendi l-kontroll fil-fruntiera ta’ Gaza mal-Eġittu

L-Eġittu qed jakkuża lil Iżrael b’li qed jagħmel minn kollox biex jiġġustifika l-offensiva militari fuq il-miri tal-Ħamas fil-belt ta’ Rafah, lejn in-Nofsinar ta’ Gaza.

Dan wara li l-Iżraeljani qalu li ħatfu l-kontroll tal-artijiet ta’ importanza kbira strateġika fil-fruntiera ta’ Gaza mal-Eġittu…Artijiet li jservu wkoll bħala rotta għall-movimenti tan-nies u t-trasport tal-materjal…

Il-ħtif tal-hekk-imseja ‘Rotta ta’ Philadelphia’ ifisser li l-Iżraeljani issa qed jikkontrollaw il-fruntiera sħiħa tal-art mal-Medda ta’ Gaza.

Fl-istess ħin, il-kelliema għall-Gvern Eġizzjan ma kummentax dwar is-sejba rappurtata – mill-Iżraeljani – li, f’dik ir-rotta, instabu talanqas 20 mina taħt l-art li t-terroristi tal-Ħamas kienu qed jużawhom biex jgħaddu l-armamenti lejn Gaza.

Dan meta l-qawwiet tal-Iżraeljani fl-aħħar sigħat kienu qed ikomplu bl-offensiva fuq Rafah u bnadi oħra ta’ Gaza fost stqarrija li l-ajruplani tal-gwerra laqtu ‘il fuq minn 50 mira tal-Ħamas fi spazju ta’ 24 siegħa.

Sadanittant, il-Kapijiet tal-Armata Iżraeljana qalu li t-truppi li qed jikkonsolidaw il-preżenza fir-‘Rotta ta’ Philadelphia’ irnexxielhom jeliminaw aċċess tal-art mill-aktar importanti għall-Ħamas. Dan meta t-terroristi Palestinjani kienu ilhom ix-xhur jużaw l-istess rotta biex jittraffikaw l-armamenti lejn l-ibliet ta’ Gazau biex jibqgħu jirreżistu l-kampanja militari ta’ Iżrael li lha mill-bidu ta’ Ottubru.

Il-Kapijiet Iżraeljani qalu wkoll li t-truppi tagħhom kienu qed jinvestigaw u jinnewtralizzaw il-mini li bdew isibu viċin il-fruntiera — iżda ma żvelawx jekk dawn il-mini kollha jwasslux lejn l-artiijet tal-Eġittu jew le.

 L-Eġittu, qabel, kien sostna li t-truppi tiegħu stess kienu qerdu numru ta’ mini biex jevitaw it-traffikar tal-armamenti minn arthom lejn Gaza. Sadanittant, is-sorsi viċin il-Gvern Eġizzjan qed jgħidu li Iżrael irid ipitter sitwazzjoni mill-aktar gravi bħala skuża biex itawwal il-gwerra f’Gaza għall-iskopijiet politiċi.

Dan meta Iżrael baqa’ jinsisti li t-truppi tiegħu bilfors iridu jaħtfu l-kontroll sħiħ ta’ Rafah biex jikkonkludu l-kampanja militari f’Gaza u jirbħu din il-gwerra kontra t-terroriżmu.