Lokali Qorti

Jeħles sentenza ta’ ħabs minħabba żball fil-ħin fir-ronda li kienet qed issir minn kuntistabbli

Raġel ta’ 43 sena li kien ikkundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati ta’ sewqan traskurat u tgħajjir fil-konfront ta’ pulizija, ġie illiberat mill-akkużi mill-Qorti tal-Appell. Dan wara li kuntistabbli tal-Pulizija għamel żball fil-ħin ta’ meta kien qed jagħmel ir-ronda.

Keith Pace kien instab ħati li wettaq dawn ir-reati fil-31 t’Ottubru 2019 f’Santa Venera, meta kien taħt sentenza sospiża. Il-Qorti semgħet kif kuntistabbli li kien għaddej fuq ronda nnota li l-imputat kien qed isuq waqt li kien qed jitkellem fuq il-mobile, u għalhekk talbu jersaq mal-ġenb u jurih il-karta tal-identità jew il-liċenzja tas-sewqan tiegħu.

Pace iżda qal lill-kuntistabbli li ma kellu xejn fuqu u li setgħu jmorru l-Għassa fejn kien jiffirma. Skont il-kuntistabbli, f’dan il-mument Pace saq biex jipprova jaħrab minn fuq il-post, u l-kuntistabbli mar warajh, fejn żviluppat kommossjoni li matulha l-kuntistabbli allegatament ġie mgħajjar, u wara li ħareġ iċ-ċitazzjoni, Pace allegatament waddabha mal-art.

Huwa kien instab ħati, u minbarra li l-Qorti ordnat li s-sentejn ħabs sospiżi tas-sentenza ta’ qabel isiru effettivi, immultatu €1,400 u skwalifikatu mil-liċenzja tas-sewqan għal ħames xhur. Pace appella mis-sentenza u argumenta, fost oħrajn, li kien hemm nuqqas ta’ qbil fuq il-ħin li fihom seħħ l-istess reat.

Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, laqgħet l-argument ta’ Pace dwar il-ħin, fejn innutat li l-affidavit tal-kuntistabbli jgħid li kien qed jagħmel ronda għall-ħabta tat-3.30pm, waqt li l-akkużi jirreferu għas-6.20pm. Għal din ir-raġuni l-Qorti tal-Appell bidlet is-sentenza tal-ewwel qorti u ħelset lil Pace minn kull ħtija u piena. Għalih deheru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Andreana Zammit.