Wara ħdax-il siegħa fl-awla, ma kien hemm ebda kummenti min-naħa tad-Deputy Leader Laburista Chris Fearne.
Id-Deputy Leader Laburista ħareġ mill-awla ftit qabel l-10:30pm. L-espressjoni fuq wiċċu, kienet titkellem weħidha.
“Issa nkompli nirrispondi fil-Qorti”, kienu l-uniku kelmiet li lissen Fearne.
Akkumpanjat mill-eks Segretarja tiegħu, Fearne baqa’ ma wiegeb għall-ebda domanda. L-istess għamel il-Gvernatur tal-Bank Centrali Edward Scicluna – skiet assolut għas-sejħa persistenti biex hu jirriżenja.

Quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana tressqu mhux biss Fearne u Scicluna… iżda anke tliet Segretarji Permanenti li qed jiffaċċjaw akkużi b’rabta mal-iskandlu tal-isptarijiet. Fil-fatt, f’din is-seduta maratona – li kienet aktar kalma mill-ġurnata ta’ qabel – tressqu b’kollox 14-il persuna li lkoll wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin fil-Qorti.
Il-lista tinkludi l-Eks Segretarji Permanenti Alfred Camilleri u Joseph Rapa, u s-Segretarju Permanenti attwali Ronald Mizzi li bħalissa jmexxi l-Ministeru ta’ Silvio Schembri.
Fil-Qorti, akkużati anke l-membri tal-kumitat ta’ aġġudikazzjoni; James Camenzuli, Robert Borg u Manuel Castagna, li ma’ Net News baqa’ jiddefendi l-proposal li ppreżentaw tal-Vitals. Castagna jgħidilna wkoll li l-proġett tal-Vitals kien jidher tajjeb.
Mal-akkużati hemm il-kontrollur finanzjarju Kenneth Deguara, kif ukoll ħames avukati – Kevin Deguara, Jean Carl Farrugia, Aron Mifsud Bonnici, Deborah Anne Chappell u Bradley Gatt.
Dan il-każ issa ġie differit għall-11 ta’ Ġunju li ġej.
Ritratti: Matthew Tabone
