Lokali Qorti

Kumpens fuq assi li ilhom iffriżati għal 10 snin

L-Imħallef Lawrence Mintoff ordna lill-Avukat tal-Istat u lill-Avukat Ġenerali biex jgħaddu €9,000 f’kumpens lil raġel li ilu 10 snin bl-assi ffriżata minħabba każ pendenti fil-Qorti.

Brian Fenech fetaħ proċedura fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali fejn spjega li fid-19 ta’ Marzu 2014 tressaq fil-Qorti ma’ raġel ieħor fejn kienu mixlijin b’assoċjazzjoni fit-traffikar tad-droga.

Huwa tenna li dakinhar li tressaq,l-assi tiegħu ġew iffriżati u lmenta li l-ordni tal-iffriżar għadha fis-seħħ u qed isibha diffiċli anke għax għandu tifel li jeħtieġ kura fl-Ingilterra, ma jistax iħallas għall-assigurazzjoni tal-karozza, u lanqas biex jissellef mill-banek.

Wara li sema’ lin-naħat involuti fil-kawża, l-Imħallef Lawrence Mintoff tah raġun u kkonkluda li Fenech kellu d-drittijiet fundamentali miksura. Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lill-Qorti tal-Maġistrati li għandha tassigura li l-ordni ta’ ffriżar għandha tinbidel biex Fenech u familtu jkunu jistgħu jgħixu b’mod diċenti u dinjituż waqt li ordnat lill-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali jagħtuh kumpens ta’ €9,000.