Lokali Qorti

“L-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija qed jittradixxu l-istituzzjonijiet” – Repubblika

“L-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà qed jittradixxu l-istituzzjonijiet. Għalhekk mhumiex denji li jokkupaw il-karigi tagħhom.”

Hekk stqarr il-President Onorarju tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret il-Ħamis filgħodu quddiem il-Qorti, wara jumejn ta’ seduti maratona b’rabta mal-proċeduri li bdew wara l-Inkjesta Vitals.

Robert Aquilina spjega li matul is-seduta tal-Erbgħa, ġew identifikati numru ta’ żballji li kapaċi jwasslu biex dawk il-proċeduri jiġu ddikjarati nulli. Il-President Onorarju ta’ Repubblika qal li dawn l-iżbalji saru għax inħolqu ċirkustanzi biex jiġri hekk. Dan apparti li hemm numru ta’ problemi oħrajn; fosthom li l-gruppi tal-akkużati kien kbir wisq, u kaġun t’hekk kien hemm dewmien fil-proceduri.

Robert Aqulina qal li kien qed jistenna li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija jkunu preżenti għall-proċeduri storici bħal dawn.

Minn naħa tagħha, il-President ta’ Repubblika Vicki Ann Cremona fakkrek li l-Pulizija ma wettqu l-ebda investigazzjoni b’rabta mad-deal frawdolenti tal-isptarijiet, u li kienet l-għaqda Repubblika li proprju sejħet għal din l-Inkjesta.

Intant, matul il-konferenza ntqal li għandna nirrikonoxxu li għall-ewwel darba f’pajjiżna għandna konferma tal-mafja u għandna dmir li niġġildulhom bil-qawwa kollha sabiex terġa’ tirrenja d-demokrazija f’pajjiżna b’mod sħiħ.