Lokali Qorti Saħħa

L-Inkjesta tgiddeb lil Farrugia dwar miljuni b’rabta ma’ riċerka ta’ trattament tal-kanċer

Fejnhom is-€6.6 miljun li suppost marru għal riċerka tal-kanċer?

€6.6 miljun huma l-flus minn but il-poplu li l-esperti fl-Inkjesta Vitals sostnew li ntilfu fl-abbissi tal-kumpanija MTrace mingħajr il-poplu ma gawda xejn minnhom. Il-kumpanija Mtrace daħlet fix-xena  f’Novembru tal-2015.

Il-proġett Cyclotron kien inizjattiva li nibet f’pajjiżna sabiex issir riċerka u prodotti ta’ farmaċewtika b’rabta, fost oħrajn, mat-trattament tal-kanċer.

Matul is-snin kien hemm tħassib enormi dwar il-kumpanija MTrace u għalxiex setgħet intużat. Madanakollu l-esperti fl-inkjesta saħqu li l-ishma tagħha kienu ġew trasferiti lil l-istess kumpanija f’Jersey, ċioè Vitals Procurement Ltd, li kienet involuta fix-xiri tal-kumpanija Technoline – kumpanija li nxtrat minn fondi pprovduti minn Vitals Global Healthcare – aktar minn €5 miljun allegatament minn fondi pubbliċi li suppost marru għall-isptarijiet.

Iswed fuq l-abjad, fl-Inkjesta jingħad li €2.3 miljun minn fondi tal-konċessjoni, jiġifieri flus gejjin minn but il-poplu, għaddew għand MTrace għal proġett ta’ riċerka b’rabta ma’ mediċina tal-kanċer.

Dan, filwaqt li €4.3 miljun oħra ġew akkwistati minn soft loan mill-Malta Enterprise, ukoll mit-taxxi tal-poplu. Iżda dawn il-ftit inqas minn €7 miljun ħadd ma jaf bi preċiż fejn marru.

B’rabta ma’ dan kollu, il-Ħamis filgħodu Net News tkellem ma’ Kurt Farrugia hekk kif staqsejnih fejn marru dawn il-miljuni ta’ ewro.

Farrugia sostna li Cyclotron qed jiffunzjona preżentament fil-Life Sciences Park – grazzi għal fatt li Malta reġgħet ħadet lura l-isptarijiet. Madanakollu, skont l-inkjesta, dan ma seħħx grazzi għas-€6.6 miljun li kienu ngħataw minn flus il-poplu sal-2018 hekk kif l-inkjesta tgħid li meta Steward Healthcare ħadu t-tliet sptarijiet f’idejhom ma ridux ikomplu bil-proġett, u konsegwenza t’hekk ħaduh f’idejhom il-Malta Enterprise b’fondi pubbliċi oħrajn – fatt li Kurt Farrugia giddeb għalkollox.

Madanakollu l-inkjesta tgħid testwalment li: “The company”, ċioè MTrace, “was taken over by Malta Enterprise in a deal which effectively saw the diverted Concession funds replaced with other public funds”

Dan ifisser li skont l-esperti, il-fondi minn but il-poplu li bbenefikat minnhom il-kumpanija għas-suppost riċerka fil-mediċina tal-kanċer, għamlu tajjeb għalihom fondi pubbliċi separati.

Dan ifisser li l-inkjesta qiegħda tgiddeb għalkollox dak li stqarr magħna Farrugia – bi kważi €7 miljun inbelgħu minn MTrace li spiċċaw sostitwiti minn fondi pubbliċi oħrajn.