Internazzjonali

L-Iżlanda: Tonqos l-attività vulkanika… iżda mhux il-livell ta’ viġilanza

L-awtoritajiet Iżlandiżi qed isegwu l-iżviluppi wara l-aħħar żbroff kbir ta’ vulkan li jinsab fil-penisola ta’ Reykjanes, lejn il-lbiċ tal-Iżlanda.

Din hi l-ħames darba li seħħ żbroff ta’ dan it-tip fil-penisola minn Diċembru ‘l hawn u meta z-zona hi magħrufa sew għall-attività vulkanika.

Sadanittant, l-aħħar rapporti qalu li l-qawwa tal-iżbroff naqset b’mod sinifikanti – u bl-awtoritajiet xorta waħda jibqgħu viġilanti għal sitwazzjoni li tista’ tinbidel minn ħin għall-ieħor. Madankollu, il-viżibbiltà fiz-zona għadha ferm limitata u għaldaqstant diffiċli biex l-awtoritajiet jiffissaw l-ammont tax-xquq mal-muntanja, li minnhom bdiet tiżbroffa l-lava.

L-aħħar żbroff wassal għall-evakwazzjoni tan-nies mir-resort ta’ Blue Lagoon, li  għandu reputazzjoni kbira bħala spa, minbarra li hu l-akbar attrazzjoni turistika fl-Iżlanda.

L-Uffiċċju Meteoroloġiku tal-Iżlanda, intant, ikkonferma li l-aħħar żbroff, mill-ġdid, beda jarmi l-lava ħamra fid-direzzjoni tal-belt ta’ Grindavik, viċin il-kosta – u b’dan iseħħ wara li l-inħawi kienu ntlaqtu minn sensiela ta’ terremoti.