L-Għaqda Mużikali San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq li matul dil-ġimgħa qed tiċċelebra l-festa f’ġieħ il-glorjuż patrijarka San Ġużepp, organizzat lejla memorabbli li matulha kien inawgurat ix-xogħol ta’ r-restawr tal-koppla fil-bini tal-każin.

Dis-sena taħbat sena importanti għal din l-Għaqda hekk kif qed tiċċelebra l-150 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha fl-1874. Għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, ġie deċiż li l-koppla li tinsab fil-bini tas-sede, tiġi restawrata u ridekorata mill-ġdid. Ix-xogħol restawr kien inawgurat nhar it-Tlieta 28 ta’ Mejju, bi programm vokali u strumentali mill-Banda San Ġużepp taħt id-direzzjoni tas-Surmast Reno Busienet u taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono.
Wara dan il-vjaġġ mużikali, dawk kollha li kienu preżenti setgħu jassistu għall-inawgurazzjoni tal-koppla fil-bini tal-każin. Il-President Spiteri Debono kixfet irħama kommemorattiva li tfakkar dan l-anniversarju speċjali, u wara kixfet ukoll il-koppla fost l-entużjażmu tal-folla preżenti. Fi kliemha, “Ħal Għaxaq illejla kien vetrina tal-artisti Maltin” u żiedet tinnota li “din il-koppla sabiħa ħafna fi knisja, aħseb u ara f’każin.”

Għal din il-koppla maestuża ġew użati xejn inqas minn 10,000 folja ta’ nduratura, 3,600 biċċa ħġieġ ikkulurit, 113-il biċċa skultura ġdida, tmien twieqi bl-istained glass u tmien pitturi ġodda. Dan kollu involva ħafna xogħol volontarju min-numru ta’ membri tal-istess Għaqda Mużikali li ħadmu flimkien ma’ artisti professjonali. Dan il-proġett kien taħt id-direzzjoni artistika tal-artist ċelebri, il-Kavallier Adonai Camilleri Cauchi. Dan l-istess artist pitter it-tmien pitturi li jżejnu din l-istess koppla. L-iskultura nħadmet minn Clive Busuttil, filwaqt li x-xogħol tal-istained glass sar minn Louis Briffa.
