BirdLife Malta tilqa’ l-Opinjoni inekwivoka mogħtija llum mill-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, Tamara Ćapeta, fil-Lussemburgu, fil-“Kawża C-23/23 Kummissjoni Ewropea v Repubblika ta’ Malta”, li rrakkomandat li l-Qorti għandha ssib li d-deroga applikata minn Malta għall-insib tal-għasafar tal-għana tikser id-Direttiva dwar l-Għasafar tal-Unjoni Ewropea.
L-AĠ qed tissuġġerixxi li l-Qorti għandha tiddikjara li meta adottat deroga li tippermetti l-insib għal seba’ speċi tal-għasafar tal-għana, Malta kisret l-obbligi tagħha skont il-liġi tal-UE, u li tordna wkoll li r-Repubblika ta’ Malta tħallas l-ispejjeż tal-kawża kif ukoll dawk tal-Kummissjoni Ewropea.
L-Opinjoni tal-AĠ dwar l-insib għall-għasafar tal-għana f’Malta taħt il-paraventu tar-‘riċerka xjentifika’ li ngħatat illum, tibgħat messaġġ ċar li Malta għandha twaqqaf immedjatament din il-prattika krudili li tippermetti li l-għasafar tal-għana jinqabdu u jinżammu f’gaġeġ sakemm imutu.
BirdLife Malta issa hija ħerqana li tara li Malta tikkonforma ruħha f’dan ir-rigward kemm jista’ jkun malajr. L-Opinjoni tal-AĠ tindika b’mod ċar li għal darb’oħra BirdLife Malta kellha raġun fl-argumenti kollha li ressqet kontra din id-deroga tal-mistħija u anke li kienet korretta fil-pariri li tat lill-Kumitat ORNIS u lill-Gvern stess biex ma jiksrux id-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar tal-Unjoni Ewropea (UE).
Dawn it-talbiet kienu ġew irrifjutati u miċħuda apposta għall-gwadann politiku, sabiex in-nassaba jkunu jistgħu jkomplu jonsbu, anke jekk instabet skuża biex ikunu jistgħu jkomplu jagħmlu dan.
Għal darb’oħra issa għandu jkun ċar aktar minn qatt qabel għal kull Gvern preżenti jew futur li l-gwadann politiku ma jista’ qatt jiġġustifika xi deroga mid-Direttiva Ewropea dwar l-Għasafar, u li x-xjenza u r-rispett lejn in-natura għandhom ikunu fil-qofol ta’ kull deċiżjoni li tittieħed fil-ġejjieni.
Filwaqt li BirdLife Malta hija sodisfatta bil-konklużjonijiet fl-Opinjoni tal-AĠ, dawn issa għandhom iwittu t-triq biex il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tieħu deċiżjoni li twaqqaf id-deroga paraventu tal-insib għall-għasafar tal-għana bl-iskuża tar-‘riċerka xjentifika’, darba għal dejjem. Għaldaqstant inħarsu ’l quddiem għall-ġudizzju aħħari, bit-tama li s-sentenza finali tal-Qorti tingħata qabel mal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja taġġorna għall-vaganzi tas-sajf. Fid-dawl tal-iżviluppi tal-lum, nappellaw ukoll lill-Gvern biex ma jiftaħx staġun ieħor tal-insib din is-sena, qabel mal-Qorti Ewropea tagħti l-verdett finali tagħha għax issa huwa ċar li t-tħaddim tad-deroga fl-aħħar snin sar bi ksur tal-liġi Ewropea.
Bil-pass sinifikanti tal-lum, sa fl-aħħar resqin lejn il-konklużjoni ta’ proċess li ilu jkaxkar għal aktar minn tliet snin. Kien f’Diċembru 2020 li nfetħu Proċeduri ġodda ta’ Ksur kontra Malta dwar l-insib għall-għasafar tal-għana wara t-tentattiv tal-Gvern Malti li jipprova jpinġi din il-prattika bħala proġett ta’ riċerka, minkejja sentenza storika tal-2018 li kienet sabet lil Malta ħatja tal-akkużi prinċipali kollha wara li falliet li twettaq l-obbligi tagħha skont il-liġijiet tal-UE, u kienet ordnata projbizzjoni totali tal-insib tal-għasafar tal-għana fil-Gżejjer Maltin.
Minkejja dan il-verdett ċar, fl-2020 u anke fl-2021, l-2022 u l-2023, il-Gvern xorta fetaħ staġun tal-insib għall-għasfar tal-għana bl-iskuża li n-nassaba kienu se jwettqu studju xjentifiku, u kienu mistennija jeħilsu lill-għasafar ftit wara li jaqbduhom, wara li jieħdu d-dettalji tal-għasafar li jkollhom ċurkett u jibagħtu dan it-tagħrif lit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi (WBRU).
L-ewwel pass f’dan il-proċess kien meta f’Diċembru 2020 intbagħtet Ittra ta’ Intimazzjoni lill-Gvern Malti. Wara li fallew it-tentattivi tal-Gvern li jipprova jiġġustifika dan il-proġett bħala wieħed ta’ ‘riċerka’, f’Ġunju 2021 il-Kummissjoni marret pass oltre, u ħarġet it-tieni twissija fil-forma ta’ Opinjoni Motivata, fejn tat lill-Gvern xahar biex jirrimedja s-sitwazzjoni jew jiffaċċja kawża oħra fil-Qorti Ewropea. Wara li l-Gvern għal darb’oħra injora t-tieni twissija formali, il-Kummissjoni ma kellha l-ebda għażla oħra ħlief li tieħu l-Proċeduri ta’ Ksur f’livell ieħor, l-aħħar stadju, dak li terġa’ tirreferi lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Novembru 2021.
Il-kawża nfetħet uffiċjalment mill-KE fl-20 ta’ Jannar 2023 (meta tressqet l-applikazzjoni u b’hekk ingħata bidu għall-proċeduri legali), u ġiet formalment fi tmiemha bl-aħħar seduta fis-7 ta’ Marzu 2024. Dakinhar tħabbar li l-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja kienet se toħroġ l-Opinjoni tagħha llum, it-30 ta’ Mejju.
Sadanittant, minkejja li l-aħħar stadju tal-Proċeduri ta’ Ksur kontra Malta wassal biex Malta għal darb’oħra spiċċat il-Qorti, il-Gvern xorta kompla jinjora t-twissijiet tal-KE u reġa’ fetaħ staġun tal-insib għall-għasafar tal-għana fl-2022 u l-2023.
Skont estimi li ppreżentat BirdLife Malta, matul l-istaġun tal-2023 biss ittieħdu madwar 51,400 għasfur tal-għana mis-selvaġġ, riżultat ta’ din id-deroga.
L-Opinjoni tal-AĠ mogħtija llum, inqas minn ġimagħtejn ’il bogħod mill-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew li se jsiru f’Malta s-Sibt 8 ta’ Ġunju, għandha tibgħat ukoll messaġġ lil dawk li matul il-kampanja elettorali li għaddejja bħalissa għażlu t-triq tal-populiżmu u mhux biss qed jiddefendu dawn it-tip ta’ derogi imma saħanistra qed iwiegħdu derogi simili jekk jiġu eletti.
Issa huwa ċar li d-deċiżjonijiet meħuda mill-Ministru Clint Camilleri se jiġu ddikjarati bħala illegali mill-Qorti Ewropea u nittamaw biss li din isservi ta’ lezzjoni għall-politiċi kollha.
//= $special ?>