“Fit-8 ta’ Ġunju inti trid tagħmel l-aħjar għażla għall-pajjiż u għalhekk għandek tivvota lill-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista li determinati li jaħdmu għall-ġid tal-poplu.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista fuq Net FM.
Bernard Grech qal li pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni delikat ħafna hekk kif tressqu l-Qorti Eks Prim Ministru, Eks Chief of Staff, Eks Ministru u oħrajn – persuni li qed jaffaċċjaw akkużi serjissimi.
Huwa fakkar li l-Partit Nazzjonalista ilu ħafna jappella sabiex il-Kummissarju tal-Pulizija jieħu azzjoni għaliex f’mumenti delikati bħal dawn, kulħadd għandu rwol x’jaqdi u jekk ma jagħmlux dan, ikunu qed jonqsu lill-poplu Malti u Għawdxi kemm issa kif ukoll fil-futur.
B’rabta ma’ dak li ġara dalgħodu, Bernard Grech qal li b’mod immedjat ikkomunika mal-Prim Ministru filwaqt li wrieh solidarjetà f’mument bħal dan. Apparti minn hekk, huwa qal li kellem lill-Kummissarju sabiex issir spezzjoni wkoll fiz-zona tad-Dar Ċentrali għas-sigurtà tal-impjegati kollha. Għaldaqstant, huwa jittama li ma jerġax ikollna sitwazzjoni simili.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li qatt ma nħass daqshekk il-bżonn li jkollna tmexxija li tagħti serħan il-moħħ lin-nies u li l-interessi tal-poplu jiġu l-ewwel u qabel kollox. Huwa stqarr li erġajna wasalna fi żminijiet fejn irridu nerġgħu naħdmu għall-ġustizzja.
Huwa qal li tant għandna kriżi serja f’pajjiżna li ħadet prijorità fuq affarijiet oħra, iżda l-Partit Nazzjonalista xorta waħda kompla bil-ħidma tiegħu sabiex iħabbar il-proposti tiegħu għal kull lokalità. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar f’numru ta’ proposti fost l-oħrajn li l-ambjent ikun dritt fundamentali fil-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna, li jkun hawn immaniġġjar aħjar tat-toroq, u li tkun indirizzata l-pjaga tal-għoli tal-ħajja.
//= $special ?>