Internazzjonali

Spanja: Amnestija għas-separatisti Katalani… fost il-kontroversja

Il-Kungress ta’ Madrid approva l-liġi tal-Gvern biex tingħata amnestija lis-separatisti Katalani – b’dan il-pass, issa, qed iwitti t-triq biex l-amnestija  tkun implimentata bis-sħiħ.

Il-liġi qed twarrab l-azzjoni legali pendenti kontra s-separatisti ta’ Katalunja għall-attivitajiet tagħhom – inkluża r-referendum tal-2017 biex ir-reġjun jinqata’ mill-kumplament ta’ Spanja bħala Stat indipendenti.

L-amnestija, fil-fatt, mistennija tibbenefika lil xi 400 Katalan li kienu ilhom jiffaċċjaw azzjoni legali minn Novembru tal-2011.

Madankollu, din l-amnestija qanqlet mhux ftit tal-kontroversja u mindu l-abbozz tal-liġi sitt xhur ilu, tressaq fil-Parlament mill-Prim Ministru u Kap Soċjalista, Pedro Sanchez. L-abbozz, f’Marzu kien għadda minn vot preliminarju tal-Kungress u bil-membri tal-Oppożizzjoni fis-Senat, wara, ma jirnexxilhomx iżommuh milli jkun ikkonfermat bħala liġi.

Ladarba l-liġi tkun ippubblikata fil-gazzetta uffiċjali, il-maġistrati se jkollhom madwar xahrejn biex japplikawha. Waqt li l-liġi xorta kapaċi tiffaċċja l-appelli  legali, dawn mhumiex mistennija jwaqqfuha milli tkun implimentata.