Futbol Sport

Tiġi fi tmiemha l-ispekulazzjoni dwar il-futur ta’ Kieran McKenna

Ġew fi tmiemhom l-ispekulazzjonijiet dwar il-futur tal-kowċ mill-Irlanda ta’ Fuq Kieran McKenna hekk kif ikkometta l-futur tiegħu ma’ Ipswich Town li fl-istaġun li ġej se jkunu qed jilagħbu fil-Premier League.

McKenna ffirma kuntratt ta’ erba’ snin wara li fl-aħħar jiem kien avvaċinat minn numru ta’ timijiet fil-Premier League fosthom, Chelsea, Man Utd u Brighton.

F’kummenti mas-sit uffiċjali ta’ Ipswich Town, McKenna qal li jinsab kburi li ġedded il-kuntratt tiegħu hekk kif se jkun jista’ jmexxi lil dan it-tim fl-ogħla diviżjoni fl-Ingilterra wara 22 sena.

Ipswich irnexxielhom jiksbu żewġ promozzjonijiet konsekuttivi hekk kif minn League 1 rnexxielhom jitilgħu fil-Premier League. McKenna rnexxielu jirbaħ ukoll l-unur tal-aqwa kowċ tas-sena tal-Managers Association u temm qabel Pep Guardiola u Mikel Arteta.

It-tim tiegħu temm l-istaġun fit-tieni post punt biss wara Leicester City li rebħu l-Kampjonat.