Hekk kif waslet fil-qofol tagħha l-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista bit-tema ‘Għalik’ – kampanja elettorali bi tħejjijiet għall-elezzjonijet tal-Kunsilli lokali u tal-Parlament Ewropew – nhar il-Ħadd fid-Dar Centrali tal-PN se ssir maratona ġbir ta’ fondi sabiex tkompli titwassal il-viżjoni tal-PN permezz tal-programm elettorali kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għal lokalitajiet aħjar.
Dwar dan tkellimna mas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, li fakkar li l-flus kollha li jinġabru se jservu ta’ għajnuna kbira għall-PN biex ikompli jaħdem ħalli jġib il-bidla li dan il-pajjiż tant għandu bżonn.
Tkellimna wkoll mac-Chief Operations Officer tal-Partit Nazzjonalista, Karl Gouder, li sostna li wara tmien ġimgħat ta’ kampanja elettorali impenjattiva għall-PN, il-maratona qed issir biex il-PN jkun jista’ jkompli jwassal il-messaġġ li l-importanza tiegħu tiżdied iktar fl-aħħar jiem ta’ qabel jum il-votazzjoni.
Bla dubju, waqt din il-maratona ma tonqosx il-preżenza tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien ma’ martu AnneMarie.
Il-maratona tibda fit-tlieta ta’ waranofsinhar u tibqa’ għaddejja sal-ħdax ta’ filgħaxija b’xandira live kemm fuq Net TV, Net FM u fuq Facebook.
Wieħed jista’ jsegwi numru ta’ intervisti mill-kandidati kollha tal-Parlament Ewropew f’isem il-Partit Nazzjonalista. Ma jonqosx ukoll il-preżenza tal-kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, deputati u l-kumitati tal-Partit Nazzjonalista flimkien mat-tmexxija tal-partit.
//= $special ?>