Internazzjonali

Gaza: Il-militar ta’ Iżrael joħroġ minn Jabalia wara ġimgħat ta’ battalji mal-Ħamas

Il-qawwiet ta’ Iżrael, fl-aħħar sigħat, kienu qed jirtiraw mill-inħawi ta’ Jabalia, fin-naħa ta’ fuq ta’ Gaza, wara offensiva ta’ tlett ġimgħat fuq it-terroristi tal-Ħamas li baqgħu jiddefendu l-fortizzi tagħhom f’dik iz-zona.

L-assedju fuq Jabalia wassal għall-eżodu ‘sfurzat u panikuż’ ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ċivili – bl-Iżraeljani qed jinsistu li rnexxielhom jeliminaw lill-mijiet tat-terroristi, fost il-qerda ta’ diversi mini taħt l-art li l-istess Ħamas kienu qed jużaw għat-trasport tal-armamenti u splussivi.

Ix-xeni minn Jabalia jindikaw l-impatt devastanti tal-gwerra, b’numru kbir ta’ bini jispiċċaw f’munzelli ta’ tifrik u rmied wara ġimgħat sħaħ ta’ battalji.

L-offensiva fuq Jabalia seħħet, fil-fatt, wara li  l-Iżraeljani kienu rtiraw mill-inħawi – u bil-Kmandanti militari jiddeċiedu biex jidħlu mill-ġdid f’dak it-territorju ta’ Gaza ħalli ma jippermettux li l-Ħamas jorganizzaw ruħhom mill-ġdid għal aktar azzjonijiet terroristiċi.

Is-suldati Iżraeljani li rtiraw minn Jalabia anki ħadu magħhom il-katavri tal-membri tal-militar li tilfu ħajjithom waqt il-ġlied kontinwu mal-Ħamas.

Dan waqt li l-uffiċjali Iżraeljani qalu li l-battalji f’Jabalia kienu ‘l-aktar intensivi’ f’din il-gwerra (mal-Ħamas) li ilha mis-7 ta’ Ottubru. Fil-fatt, il-Ħamas, f’dawn il-ġimgħat, kienu biddlu liz-zoni ċivili ta’ Jabalia f’ċentri għall-kumbattimenti – bit-terroristi anki jisparaw għal fuq it-truppi minn qalb il-komunitajiet taċ-ċivili u mill-kumplessi tal-iskejjel indikati bħala zoni protetti għal waqt gwerra.