Waqt laqgħa li saret illum wara nofsinhar, il-Kunsill tal-MUT ivvota unanimament sabiex jipposponi l-proċess tal-vot tal-ftehim settorjali. Dan sar hekk kif l-MUT ma kinitx sodisfatta bir-risposta bil-miktub imsejħa finali mingħand il-gvern u li ma kenitx ser tindirizza l-ilmenti ta’ sezzjonijiet ta’ edukaturi li semmew waqt u wara l-laqgħa tal-bieraħ.
L-MUT dejjem emmnet li l-ftehim irid ikun ta’ kull edukatur u li kull edukatur li jħossu aggravat b’xi aspett tal-ftehim għandu jiġi mismugħ. Kien għalhekk li l-Kunsill tal-MUT iddeċieda dwar il-postponiment tal-process tal-vot. Dan ma jfissirx li l-MUT mhux ser tibqa’ tiġbor il-feedback tal-membri u tispjega l-benefiċċji kollha li jinstabu fil-ftehim propost. Dan ser tagħmlu matul il-jiem li ġejjin fejn, speċjalment fejn jidħol l-aspett finanzjarju, ser tiċċara l-ineżattezzi u l-informazzjoni li mhix veritiera dwar il-ftehim.
L-MUT kunfidenti li dan il-posponiment ser iwassal sabiex fiż-żmien li ġej isiru l-laqgħat kollha neċessarji mal-gvern u mal-membri li jwasslu biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet pendenti u jkun jista’ jinbeda mill-ġdid il-proċess tal-votazzjoni. Dan biex naslu għal ftehim li jħares l-interessi tal-edukaturi kollha.
//= $special ?>