Lokali

Il-Labour issa qed jgħid li għandu “fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet kollha”

U-turn oħra mill-Partit Laburista?

Il-Kandidati għall-Parlament Ewropew f’isem il-Labour, Daniel Attard u Jesmond Marshall, għandhom fiduċja sħiħa fl-istituzzjonijiet kollha.

Dan iddikjaraw il-Ġimgħa waranofsinhar waqt konferenza tal-aħbarijiet meta Net News staqsa bl-aktar mod ċar għandhomx fiduċja fil-Maġistrati Gabriella Vella u Rachel Montebello – wara ġimgħat ta’ attakki sfrenati mill-Partit Laburista fil-konfront tal-Maġistrat Gabriella Vella.

U jekk dawn l-attakki ma kienux biżżejjed, il-Ġimgħa filgħodu l-poplu sebaħ għal attakk ieħor, din id-darba mill-mara ta’ Joseph Muscat fuq il-Maġistrat Rachel Montebello; tinsinwa li ħadet deċiżjoni biex żewġha ma jitkellimx.

Wara dawn l-attakki kollha – illum, b’mod surreali, l-kandidati tal-Labour sostnew li għandhom fiduċja fl-istituzzjonijiet. U b’hekk, waqqgħu għal kollox id-dikjarazzjonijiet li għamel Robert Abela tul din il-kampanja.

Stqarrija li tistona mhux ftit meta wieħed jara x’qal il-Prim Ministru fl-aħħar ġimgħat.

Intant wara li l-kelliema tal-Labour saħqu li hawn min hu interessat fil-poter aktar milli fil-pajjiż – b’mod mill-aktar inevitabbli Net News staqsa għalfejn il-Gvernatur Edward Scicluna, fid-dawl ta’ akkużi ta’ frodi li qed iħabbat wiċċu magħhom, għadu ma rriżenjax biex iġib l-interessi tal-pajjiż l-ewwel minflok jibqa’ ggranfat mas-siġġu tal-poter. Iżda huma, b’mod mill-aktar assolut, injoraw din id-domanda.