Il-Partit Nazzjonalista ħejja pjan għal kull lokalità għax irid li l-Maltin u l-Għawdxin kollha jkollhom il-lokalità li tixirqilhom. Jemmen li l-Kunsilli Lokali ta’ pajjiżna ħaqqhom jitmexxew minn Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, li qegħdin hemm għalik.
Dan kien il-messaġġ tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista waqt żjarat fil-lokalitajiet ta’ Ħ’Attard u l-Fgura, fejn kompla jiltaqa’ mar-residenti u jispjegalhom il-viżjoni tal-Partit għal-lokalitajiet. Waqt li kien qed jitkellem magħhom, hu spjegalhom li l-proposti li qed jippreżenta l-Partit Nazzjonalista huma bbażati fuq il-ħtiġijiet u l-isfidi li r-residenti jaffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum.
F’Ħ’Attard, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Kunsill Lokali mmexxi minn maġġoranza Nazzjonalista għamel ħafna ġid għal-lokalità. Fil-ħames snin li ġejjin, dan jista’ jagħmel aktar ġid għax ikompli jibni fuq it-tajjeb li sar b’persuni ddedikati u kkonċentrati biex jagħmlu l-lokalità aħjar.
Fil-Fgura, spjega kif il-Partit Nazzjonalista jrid jara li r-residenti jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar b’aktar aċċessibbiltà, sigurtà, indafa, spazji pubbliċi u postijiet ta’ rikreazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fik, u int kapaċi tiżviluppa l-ħiliet u l-ambizzjonijiet tiegħek.
Min-naħa l-oħra, il-Partit Laburista ta’ Robert Abela hu mehdi u mħawwad fl-inkwiet fi ħdanu stess. U f’nofs l-inkwiet kollu li għandu, moħħu biss biex jipprova jisraq il-voti, bħalma pprova jagħmel fis-Siġġiewi, filwaqt li jattakka lill-ġudikatura u lill-midja.
Fil-jiem li għaddew rajna esponenti ewlenin tal-Partit Laburista jitressqu l-Qorti akkużati wara li serqulna bi frodi l-isptarijiet u €400 miljun. Biex wieħed jifhem kemm huma €400 miljun, spjega li kull sena jinġabru medja ta’ €5 miljun għall-Istrina. B’hekk, €400 miljun ifisser kemm jiġbru tal-Istrina fi 80 sena.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista nnota kif dawn l-akkużati huma parti mill-establishment kriminali ta’ pajjiżna li ppjanaw u wettqu kollox ma’ kriminali oħrajn kompliċi tagħhom. Staqsa jekk dawn qed jgħidu li huma innoċenti u ma għamlu xejn ħażin, għaliex qed jagħmlu minn kollox biex il-kawża ma tibdiex. Dan, għax jekk xi ħadd ikun innoċenti, ikun irid li jinstemgħu l-provi biex jipprova l-innoċenza tiegħu u mhux joqgħod ifettaq fuq it-teknikalitajiet.
Staqsa wkoll kif jista’ l-Partit Laburista jgħid li hu favur Malta dejjem u li jrid jagħti s-saħħa lill-Maltin meta mill-Inkjesta issa sirna nafu li kienu kompliċi biex jinsterqu aktar minn €2 miljun li suppost kellhom imorru għall-kura tal-pazjenti tal-kanċer.
Fid-dawl ta’ dan kollu, fit-8 ta’ Ġunju l-Maltin u l-Għawdxin għandhom għażla ċara: vot lill-Partit Nazzjonalista biss jista’ jissarraf f’messaġġ b’saħħtu biex jitwaqqaf min irid ikompli jmexxi b’mod tirann f’pajjiżna. Spjega li din mhijiex għażla bejn il-blu u l-aħmar, iżda għażla għall-bandiera Maltija, li tant aħna kburin biha.
Il-vot tat-8 ta’ Ġunju hu vot li għandu jagħti futur aħjar lil Malta u Għawdex tagħna.
//= $special ?>