Elezzjonijiet 2024 Lokali

Il-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa jkompli jaħdem favur min hu fil-bżonn

F’pajjiżna, spiċċajna bil-Partit Laburista jitkellem bħal Victor Orban u bħal Vladimir Putin. Iżda aħna se naħdmu biex ikollna tassew ir-Rule of Law.

Fuq TVM, il-Membru Parlamentari Ewropew David Casa sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jaħdem għal min għandu bżonn; u mhux għal dawk li huma korrotti.

David Casa tkellem ukoll dwar il-liġijiet li Malta qed tgawdi minnhom grazzi għall-ħidma li għamel hu fil-Parlament Ewropew – liġijiet li l-Gvern Laburista l-ewwel dam ma implimentahom, imbagħad prova jagħmilhom tiegħu.

Tkellem dwar l-ESF+  – fond ta’ €200 miljun li assigura hu – kif ukoll fuq is-Social Climate Fund ta’ €60 miljun biex l-anzjani jkollhom biex iħallsu l-kontijiet u jkollhom ħajja aħjar.

Casa saħaq li l-Partit Laburista donnu għadu ma tagħllem xejn hekk kif qed ikompli l-attakk fuq il-ġudikatura u l-ġurnaliżmu. Waqt li qal li l-establishment, skont Abela, huwa kull minn ma jagħtix  appoġġ lil Labour.

Dwar Joseph Muscat, Casa qal li ma jistax jifhem kif dan ma għandux biex iħallas Netflix imma għandu biex isiefer.

Minn naħa tiegħu, il-kandidat Laburista Alex Agius Saliba qal li se jkompli juri l-appoġġ tiegħu lil Joseph Muscat minkejja li l-Qorti kkonfermat li hemm biżżejjed provi kontrih biex l-ordni ta’ ffriżar tal-assi ma titneħħiex. Dan minkejja li hu ma marx juri l-appoġġ tiegħu lil Muscat quddiem il-Qorti.