Il-Partit Nazzjonalista qed juri biċ-ċar li għandu motivazzjoni li jkompli jaħdem anke fix-Xagħra biex din il-lokalità jkollha tmexxija Nazzjonalista li jkollha għal qalbha lix-Xagħra u lix-Xagħrin. Bil-fiduċja tiegħek, il-kandidati tal-Partit Nazzjonalista jistgħu jkunu vuċi serja għalik.
Dan kien il-messaġġ li ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mix-Shadow Minister Alex Borg u mill-President tal-Kulleġġ Kunsillieri Lokali tal-Partit Nazzjonalista, Charles Bonello, fix-Xagħra.
Il-kelliema nnotaw kif fil-gżira Għawdxija, il-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta aktar kandidati mill-Partit Laburista u dan juri kemm Għawdex hi prijorità għall-Partit Nazzjonalista. Dan juri wkoll li l-Partit Nazzjonalista għadu partit ħaj u li għandu verament għal qalbu l-Kunsilli Lokali.
Spjegaw kif mis-56 kandidat li l-Partit Nazzjonalista qed jippreżenta fuq Għawdex, 15 huma żgħażagħ ta’ taħt it-30 sena li, flimkien ma’ dawk li għandhom l-esperjenza, qed jaħdmu għax iridu l-ġid għal-lokalità tagħhom.
Il-kelliema qalu li, fix-Xagħra, il-Partit Nazzjonalista jrid jara li l-proġett taċ-Ċentru Ċiviku jitlesta kemm jista’ jkun malajr, kif ukoll li jaġġorna l-ispazji miftuħa eżistenti jeħtieġu ħajja ġdida.
Fost proposti oħrajn, il-Partit Nazzjonalista fix-Xagħra se jkun qed jagħmel pressjoni lill-Gvern Ċentrali biex, kemm jista’ jkun, it-toroq ikunu fi stat adegwat, filwaqt li jsir it-tindif adegwat u spiss, anke permezz ta’ sweeper, tat-toroq tagħna. B’appoġġ lin-negozji lokali, iniedi inizjattivi li jappoġġjaw u jippromwovu l-intrapriżi lokali, speċjalment b’attivitajiet li jsiru ta’ spiss fil-pjazza.
Il-kelliema spjegaw ukoll li l-Partit Nazzjonalista jrid jespandi l-opportunitajiet edukattivi bi sħab ma’ istituzzjonijiet edukattivi biex isiru workshops, korsijiet, exchanges u attivitajiet ekstra kurrikulari li jissodisfaw l-interessi u l-bżonnijiet diversi tar-residenti. Ikunu appoġġjati wkoll l-NGOs lokali li jorganizzaw attivitajiet relatati mal-isport eżistenti u ġodda billi tkun provduta assistenza loġistika u tanġibbli għall-organizzazzjoni ta’ attivitajiet tagħhom.
Akkumpanjati minn kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali, il-kelliema spjegaw kif dawn il-proposti juru l-impenn tal-Partit Nazzjonalista biex, anke fix-Xagħra, il-Kunsill Lokali jkun hemm għalik.
//= $special ?>