Elezzjonijiet 2024 Lokali

Il-viżjoni tal-PN għall-kunsilli hija waħda b’saħħitha

Studju dwar kif kull lokalità f’Malta qed tiżvillupa, pjan għat-traffiku, ambjent iktar nadif u sigurtà fit-toroq.

Dawn huma biss uħud mill-proposti li l-Partit Nazzjonalista qed joffri għall-Kunsilli Lokali, hekk kif f’dawn il-jiem tqassam programm elettorali għal kull lokalitá f’pajjiżna – bi proposti li jiġu mwettqa f’ħames snin.

Charles Bonello spjega li l-Partit Nazzjonalista se jkun qed iħejji studju dwar kif kull lokalità tkun qed tiżviluppa biex b’hekk ikun hemm soluzzjonijiet għal problemi tat-traffiku u l-ambjent; li ħa daqa ta’ ħarta f dawn l-aħħar snin. Il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jaħdem ukoll biex ikun hemm iktar sigurtá fil-lokalitajiet. Dan apparti li semma’ kif bosta bankini qed isiru b’mod li lanqas ikunu jistgħu jimxu fuqhom l-anzjani jew nies bil-pushchair.

Il-President tal-Kunsillieri Nazzjonalisti spjega wkoll li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu ta’ appoġġ għal dawk ir-residenti li jieħdu l-inizjattiva, waqt li l-Gvern irid jagħti l-inċentivi biex il-kunsillieri jagħmlu aktar għall-Kunsilli Lokali. Spjega wkoll li l-Partit Nazzjonalista qed joffri kandidati ta’ integrità.

Charles Bonello li huwa wkoll il-Minority Leader tal-Fgura, spjega li l-Partit Nazzjonalista jrid li l-Kunsilli Lokali jkunu awtonomi mill-Gvern hekk kif saħaq li hemm bżonn li jieqaf l-indħil tal-Gvern. Il-Kunsilli Lokali għandu jkollhom ukoll fond dirett biex b’hekk is-Sindki u l-kunsilliera jkollhom iktar resposabbiltà.

Intant, f’dan l-istess programm, Trevor Fenech f’isem il-Partit Laburista ma weġibx jekk il-Kunsilli Lokali għandhomx ikollhom iżjed saħħa u responsabbiltajiet.