Il-proġett ta’ tisbiħ ta’ Pjazza Tolfa, f’Għajnsielem, kien inawgrat b’investiment ta’ kwart ta’ miljun permezz ta’ diversi fondi. Pjazza Tolfa hi proprju msemmija hekk minħabba l-ġemellaġ bejn Għajnsielem u r-raħal ta’ Tolfa, li jinsab fl-Italja, viċin Ruma. Din is-sena qed jiċċelebraw 20 sena ta’ ħbiberija
Is-sindku Kevin Cauchi qal li dan il-proġett huwa eżempju konkret ta’ urban greening filwaqt li tikkumplimenta l-viżjoni tal-Kunsill Lokali Għajnsielem li jkompli jinvesti f’aktar spazji miftuħa mhux biss fiċ-ċentru, iżda madwar iz-zoni kollha tal-lokalità.
Għal din l-okkazjoni ġie inawgurat ukoll monument artistiku magħmul mill-artist Paul Stellini li jikkommemora l-ħbiberija ta’ dan il-ġemellaġ. Il-proġett ġie miftuħ uffiċjalment mis-Sindku Kevin Cauchi, is-Segretarjat Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Civelli Zerafa u l-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri. Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm ukoll it-tliet Sindki ta’ Tolfa.
Il-proġett kien jikkonsisti fil-bini mill-ġdid ta’ din il-pjazza fejn ingħatat dehra aktar ħadra permezz ta’ 15-il siġra, 150 arbuxell u tisqifa ħadra li toffri dell lir-residenti li jqattaw ftit ħin ta’ mistriħ. Pjazza Tolfa tinkludi wkoll elementi ta’ możajk dekorattiv sabiex jagħti aktar ħajja lil dan il-post.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ kważi €250,000 permezz ta’ fondi mid-Development Planning Fund tal-Awtorità tal-Ippjanar, Green Canopy minn Ambjent Malta u fondi tal-Kunsill Lokali.






