Elezzjonijiet 2024 Ewropa Lokali

Ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov jistiednu lill-Ewropej jivvutaw u jiddefendu d-demokrazija

Sviatlana Tsikhanouskaya, Oleksandra Matviichuk u Lorent Saleh huma fost ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov li talbu liċ-ċittadini jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej.

F’filmat tal-kampanja #Użal-VotTiegħek, ir-rebbieħa reċenti tal-Premju Sakharov u t-timijiet tagħhom qasmu messaġġi maċ-ċittadini tal-UE qabel l-elezzjonijiet Ewropej tas-6-9 ta’ Ġunju.


“Qed nitilfu l-libertà fid-dinja. Uża l-vot tiegħek biex tiddefendi d-demokrazija, uża l-vuċi tiegħek għal dawk li ma jistgħux”, qalet Oleksandra Matviichuk, rebbieħa tal-Premju Sakharov 2022 u li hi President taċ-Ċentru għal-Libertajiet Ċivili, NGO li jirreġistra delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa mill-armata Russa fl-Ukrajna u li rċieva l-Premju Nobel għall-paċi fl-2022.


“Għażiż ċittadin tal-Ewropa, fl-Ewropa għandek rigal prezzjuż: is-setgħa li teleġġi l-mexxejja tiegħek u ssawwar il-futur tiegħek”, issottolinjat il-mexxeja tal-oppożizzjoni Belarussa Sviatlana Tsikhanouskaya, waħda mir-rebbieħa tal-Premju Sakharov 2020.


“Id-demokrazija hija sistema li hija diffiċli biex tinbena, iżda wkoll faċli ħafna biex tintilef”, żied Lorent Saleh, eks priġunier politiku, Rebbieħ tal-Premju Sakharov 2017 li jirrappreżenta l-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela.


Il-filmat fih ukoll kummenti minn Leonid Volkov, eks Kap tal-persunal ta’ Alexei Navalny, rebbieħ tal-Premju Sakharov 2021, li miet fil-ħabs fir-Russja fis-16 ta’ Frar 2024, u li kien wieħed mill-aktar vuċijiet b’saħħithom tal-oppożizzjoni kontra Vladimir Putin; membri tan-netwerk ta’ Boroż ta’ Studju Sakharov, bħad-disinjatur tal-moda Louise Xin (l-Iżvezja) ukoll jaqsmu l-messaġġ tagħhom maċ-ċittadini tal-UE.

Il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb huwa l-ogħla ġieħ li tagħti l-Unjoni Ewropea lill-ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem. Hija tirrikonoxxi individwi, gruppi u organizzazzjonijiet li taw kontribut eċċellenti għall-protezzjoni tal-libertà tal-ħsieb. Permezz tal-premju u n-network assoċjat tiegħu, l-UE tassisti lir-rebbieħa, li huma appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jiddefendu l-kawżi tagħhom.