Elezzjonijiet 2024 Lokali

Is-Sibt se jkun qed isir l-early voting

Hekk kif ninsabu biss ġimgħa bogħod mill-elezzjoni tat-8 ta’ Ġunju, is-Sibt se jkun qed isir l-early voting – kemm għall-Kunsilli Lokali kif ukoll għall-Parlament Ewropew.

Dawk kollha li rreġistraw sabiex jivvutaw qabel it-8 ta’ Ġunju, se jkunu jistgħu jivvutaw fil-binja tal-Kummissjoni Elettorali fl-Eks Trade Fair Grounds, fin-Naxxar. Dawk residenti Għawdex se jkunu jistgħu jivvutaw fl-Experimental Farm, fi Triq l-Imġarr, fix-Xewkija.

Il-votazzjoni se tkun miftuħa bejn is-7:00 ta’ filgħodu u l-10:00 ta’ filgħaxija; apparti li se jkun hemm parkeġġ ipprovdut għal min se jmur jivvota n-Naxxar.

Anke l-Ufficcju ELCOM tal-PN se jkun qed jassisti matul dan il-jum.

Apparti minn hekk, matul il-ġurnata tas-Sibt se jkunu qegħdin jivvutaw ukoll fid-djar tal-anzjani kollha madwar Malta. Imbagħad, il-votazzjoni se tkompli wkoll il-Ħamis 6 ta’ Ġunju hekk kif se ssir il-votazzjoni fl-isptarijiet.

Intant, dawk kollha li għadhom ma’ ġabrux il-vot tagħhom jistgħu jmorru jiġbruh mill-Kunsill Lokali jew l-Għassa tal-Pulizija sa nhar il-Ħadd li ġej. Wara dakinhar wieħed jista’ jiġbor il-vot tiegħu mill-Kummissjoni Elettorali minn nhar it-Tlieta li ġej sa nhar il-Ħamis li ġej.

Id-dokument huwa meħtieġ biex wieħed jeżerċita d-dritt tiegħu tal-vot f’dawn l-elezzjonijiet.