Sport

It-traġitt tat-Torċa Olimpika lejn Pariġi

It-tluq tat-traġitt tat-Torċa Olimpika f'Marseille

It-Torċa Olimpika qasmet seba’ territorji fir-reġjun ta’ Calvados f’Caen, fit-traġitt lejn Pariġi fl-20 stadju tar-relay. It-Torċa Olimpika twasslet bil-baħar f’Omaha Beach u temmet il-vjaġġ f’Calvados f’Caen fejn kien il-qofol tal-vjaġġ ta’ dan l-istadju.

Mal-wasla fil-Bajja ta’ Omaha, kien Jeremy Defrenne li f’dan l-istadju ġarr it-Torċa Olimpika b’tifkira wkoll taċ-ċelebrazzjonijiet b’rabta mal-iżbark fin-Normandija skont l-istorja magħruf bħala D-Day. Mill-Bajja ta’ Omaha, ir-rotta kienet lejn iċ-Ċimiterju Amerikan fin-Normandija, f’Saint-Laurent-sur-Mer.

Ir-relay tat-Torċa Olimpika f’Caen kopra madwar tmien kilometri, fejn saret parata fit-toroq ewlenin ta’ Hérouville-Saint-Clair, fejn saru avvenimenti kulturali, sportivi u ċiviċi miftuħa għar-residenti, bil-qofol fiz-zona Jean-Marie Louvel quddiem l-Hôtel de Ville .

Il-wasla tat-Torċa Olimpika kienet opportunità mhux biss biex ikun ċelebrat l-isport u l-valuri tal-Olimpiżmu, iżda wkoll biex il-pubbliku jipparteċipa b’mod dirett minkejja sigurtà stretta li qed taħkem f’kull stadju tar-relay tat-Torċa.