Il-Partit ANC – tal-eks Mexxej leġġendarju Afrikan Nelson Mandela – fl-aħħar sigħat kien viċin li jitlef il-maġġoranza fil-Parlament għall-ewwel darba mill-1994…Is-sena meta dan il-partit kien ħa l-poter għall-ewwel darba fl-Afrika t’Isfel wara s-snin twal tal-Apartheid.
S’issa, laħqu ngħaddew aktar minn żewġ-terzi tal-voti mitfughin fl-elezzjoni ġenerali ta’ nhar l-Erbgħa – u fejn l-ANC kiseb 42 biss tal-appoġġ nazzjonali. Din iċ-ċifra hi sinifikanti ladarba wieħed iqis li l-partit – li għadu l-akbar wieħed fl-Afrika t’Isfel — kien dejjem irnexxielu jikseb ‘il fuq minn 50 fil-mija fl-elezzjonijiet li saru għal dawn l-aħħar tletin sena.
Fit-tieni post, wara l-ANC, hemm l-Alleanza Demokratika bi 23 fil-mija tal-vot u bil-Partit ġdid MK, tal-eks President Jacob Zuma, jidher li qed jissupera l-aspettativa bi 12 fil-mija tal-appoġġ nazzjonali…Riżultat li għandu, ‘il quddiem, jikkonfermah bħala t-tielet l-akbar forza politika fl-Afrika t’Isfel.
Il-kandidati tal-partiti kollha, intant, qed jikkuntestaw għal 400 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali tal-Afrika t’isfel u jidher li l-ANC se jkollu jissieħeb ma’ entitajiet oħrajn biex, ‘il quddiem, jifforma koalizzjoni. Il-partit ‘ta’ Mandela’ qatt ma kien f’din il-pożizzjoni u meta l-poplu Afrikan, issa, qed iħejji għal era politika ġdida.
//= $special ?>