Raġel ta’ 27 sena li kien wieħed minn ħames żgħażagħ li kienu nqabdu fil-fatt jippruvaw jisirqu minn ħwienet fil-Marsa u li kien ġie kundannat sentejn ħabs wara li kellu s-sentenza tiegħu mibdula fil-Qorti tal-Appell u ngħata probation għall-perjodu ta’ tliet snin.
Neil Zammit kien l-unika wieħed li ngħata sentenza ta’ ħabs f’Settembru tal-2022 mill-Qorti tal-Maġistrati li kienet qieset il-kondotta voluminuża tiegħu u li kien wera li ma tgħallem xejn minn żbalji tal-passat. L-Imħallef Natasha Galea Sciberras qalet fis-sentenza tagħha li tqis li minkejja l-passat xejn inkoraġġanti tiegħu, għandha tagħtih opportunità oħra bit-tama li din id-darba verament jibqa’ fit-triq li jidher li qabad.
Għal dan il-għan, huwa se jkompli jiġi segwit mill-Uffiċjal tal-Probation u minn professjonisti oħrajn, kif l-istess Uffiċjal tal-Probation jidhirlu opportun, sabiex il-progress li għamel wara li ngħatat is-sentenza appellata, ikompli jiġi msaħħaħ.
F’dan il-kuntest, madankollu, il-Qorti wissiet lil Zammit li kemm-il darba ma jagħrafx jużufruwixxi minn din l-opportunità li qed jingħata llum u jerġa’ jikkommetti reati oħrajn, mhux biss se jingħata piena li ma tkunx waħda minn dawk kontemplati fil-Kapitolu 446 tal-Liġijiet ta’ Malta għar-reati li nstab ħati tagħhom f’dawn il-proċeduri, iżda se jkun iżjed diffiċli għalih li jerġa’ jikseb il-fiduċja tal-Qrati.
Ma’ Zammit kienu tressqu u ngħataw is-sentenza Etienne Buttigieg, li llum għandu 28 sena, Eman Neil Galdes ta’ 26 sena; Kyle Micallef ta’ 22; u Ogden Caruana Smith li llum għandu 21 sena. Huma kienu tressqu l-Qorti fl-4 ta’ Settembru 2022, l-għada li nqabdu kollha jippruvaw jisirqu mill-ħwienet.
Il-Pulizija kienet ġiet infurmata wara li rġiel li kienu suspettużi dehru fl-inħawi tal-Moll tal-Ħatab għall-ħabta tas-1am. Uffiċjali mir-Rapid Intervention Unit li kkonverġew fuq il-post iltaqgħu mas-suspettati li kienu liebsa ħwejjeġ skuri u lebsin ingwanti, filwaqt li sinjali friski ta’ ‘break-in’ u żewġ ‘bolt cutters’ imdaqqsa komplew ikkonfermaw is-suspetti tal-Pulizija.
Il-ħames żgħażagħ kollha ġew mixlija b’attentat ta’ serq aggravat u ħsara volontarja fuq propjetà ta’ terzi.
Zammit, Buttigieg u Galdes kienu ġew mixlija separatament li saru riċedivi. Kollha ammettew ħlief għal Zammit, u kienu ngħataw il-libertà proviżorja filwaqt li l-kawża ġiet differita għas-sentenza.
Dakinhar xehed uffiċjal tal-probation li kien segwa lil Zammit għal tliet xhur, minn Jannar sa Marzu, u qies li dak iż-żmien kien sejjer tajjeb. Mistoqsija mill-Maġistrat dakinhar jekk kinitx “diżappuntata” li Zammit reġa’ lura għal modi kriminali ftit xhur biss wara l-aħħar valutazzjoni tagħha, ix-xhud wieġbet, “fil-verità, huwa diżappunt kbir u ma stennejthiex minnu.”
Il-Qorti ssospendiet is-seduta għal xi żmien qabel ma tat is-sentenza. Il-ħamsa kollha ġew iddikjarati ħatja mal-ammissjoni, iżda l-piena varjat fid-dawl tal-fatt li r-rekords kriminali tagħhom kienu jvarjaw minn mhux imċappsa fir-rigward ta’ Micallef u Caruana Smith. għal voluminużi fil-każ ta’ Zammit li deher li “ma tgħallem xejn mill-passat”.
Il-Qorti ħadet nota tal-akkużi tal-ammissjoni bikrija tagħhom, in-natura serja tal-akkużi, il-fatt li l-pjani tagħhom marru żbaljati biss għax inqabdu b’ħasra, iċ-ċirkustanzi soċjali ta’ kull wieħed mill-akkużati, il-ħtieġa li tiġi salvagwardjata s-soċjetà, kif ukoll il-prinċipju tal-ġustizzja.
Caruana Smith, Micallef u Galdes ġew rilaxxati kondizzjonalment għal tliet snin kull wieħed. Buttigieg tpoġġa taħt ordni ta’ probation ta’ tliet snin. Zammit kien weħel sentejn ħabs iżda ngħata l-libertà proviżorja wara li l-avukati tiegħu talbu li s-sentenza ma tiġix esegwita filwaqt li l-akkużat ressaq appell.
Minn dak iż-żmien ‘il hawn, Zammit jidher li reġa’ rabba l-għaqal bil-Qorti tal-Appell issa tagħtih l-aħħar opportunità, inkella jkollu jbati l-konsegwenzi.
Għal Zammit dehru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Jason Azzopardi. L-Ispetturi Joseph Mercieca u Andy Rotin mexxew il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>