L-Ambaxxatriċi tal-Iżvizzera Manuela Elisabeth Leimgruber ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President Myriam Spiteri Debono fil-Palazz Presidenzjali, il-Belt Valletta.
Il-President Spiteri Debono esprimiet l-apprezzament tagħha għar-relazzjoni bilaterali produttiva bejn Malta u l-Iżvizzera. Hija saħqet fuq il-valur komuni tan-newtralità, filwaqt li enfasizzat l-impenn taż-żewġ pajjiżi favur ir-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-paċi. Billi kemm Malta kif ukoll l-Iżvizzera għandhom prijoritajiet u għanijiet komuni fil-mandati koinċidenti tagħhom fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża t-tema tal-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri, il-Paċi u s-Sigurtà, il-President Spiteri Debono enfasizzat ir-rwol li għandhom in-nisa fir-riżoluzzjoni tal-konflitti u l-kisba tal-paċi. Għalhekk, hija saħqet fuq il-ħtieġa li n-nisa jkomplu jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom, b’mod speċjali f’oqsma fejn id-drittijiet bażiċi għan-nisa għadhom mhumiex garantiti.
L-Ambaxxatriċi faħħret ir-relazzjoni b’saħħitha bejn Malta u l-Iżvizzera, filwaqt li nnotat b’apprezzament ir-rwol ta’ Malta fir-riżoluzzjoni tal-konflitti, pereżempju permezz tas-summit dwar il-Proċess ta’ Paċi fl-Ukrajna li sar f’Malta f’Ottubru tal-2023. Faħħret ukoll lill-President Spiteri Debono għall-pożizzjoni tagħha favur id-drittijiet tan-nisa, filwaqt li qalet li ż-żewġ pajjiżi huma tal-istess fehma dwar il-kwistjoni. L-Ambaxxatriċi rrimarkat li l-bażi tar-relazzjoni bejn Malta u l-Iżvizzera hija msejsa fuq il-kooperazzjoni soda. Hija esprimiet it-tama li jkun hemm aktar kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi dwar kwistjonijiet ta’ tħassib komuni, bħas-saħħa, ir-riċerka u l-edukazzjoni, permezz ta’ inizjattivi konġunti.
//= $special ?>