L-akkużi fil-konfront tat-28 persuna fosthom l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-Eks Ministri Konrad Mizzi, Edward Scicluna u Chris Fearne ,u l-Eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri, se jibqgħu. Dak li seħħ l-Erbgħa hu biss li ġie null il-bidu tal-proċess u li se jerġa’ jibda mill-bidu fil-11 ta’ Ġunju minħabba li waħda mill-kumpaniji akkużata ma ġietx notifkata minħabba żball tekniku.
Dwar dan il-punt esperti legali qalu lil dan is-sit, li ma jistgħux jifhmu kif il-Prosekuzzjoni min-naħa tal-Avukat Ġenerali u dik min-naħa tal-Pulizija ma rċevew ebda sostenn b’rabta ma’ dan il-każ li fih fost oħrajn hemm akkużat Eks Prim Ministru bi frodi, korruzzjoni, ħasil ta’ flus u parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali.
Filwaqt li saru żbalji proċedurali waqt it-tressiq ta’ Chris Fearne, Edward Scicluna u oħrajn nhar l-Erbgħa, hi inspjegabbli kif kemm quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello nhar it-Tlieta, fejn kienu akkużati 14-il persuna, u quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana, la dehret l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg u lanqas il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
F’tip ta’ każijiet li huma uniċi għal Malta, qatt fl-istorja ta’ dawn il-Gżejjer ma tressqu Eks Prim Ministru, Eks Viċi Prim Ministru li kien ukoll Ministru tas-Saħħa, u l-Eks Ministru Konrad Mizzi kif ukoll il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna, li kien ukoll Ministru tal-Finanzi.
Esperti legali sostnew li l-predeċessur tal-AĠ Victoria Buttigieg, Peter Grech, ukoll kien ikun preżenti f’kawżi jaħarqu, kif ukoll l-Avukati Ġenerali kollha li kellhom dan ir-rwol fil-passat. Huwa minnu, qalilna avukat li xtaq li ma jissemmix, li l-AĠ preżenti m’għandhiex ‘background fil-kriminal, iżda kellha tkun ta’ spalla mal-Avukat Francesco Refalo, il-prosekutur fil-każ; flimkien mal-Avukati Rebekah Spiteri u Shelby Aquilina.
L-istess jista’ jingħad għall-Kummissarju tal-Pulizija. Dan forsi jista’ jġib l-iskuża li ta’ qablu, Lawrence Cutajar, kien jagħmel l-istess, imma Kummissarji tal-Pulizija mill-passat bħal John Rizzo kien ikun preżenti kemm-il darba l-Qorti f’każijiet jaħarqu u jieħu r-responsabbiltà tar-rwol li kellu b’mod serju.
Sadanittant, is-Supretendenti Fabian Fleri u l-Ispetturi Hubert Cini u Wayne Rodney Borg ukoll tħallew għal riħhom fejn fl-awla, l-avukati tad-difiża ħadu l-vantaġġ fejn bdew jistaqsu fuq l-involviment tal-Pulizija f’dan il-każ, fejn it-tweiġba mill-prosekuturi dejjem kienet li prattikament l-involviment fil-każ kien null.
Għaldaqstant, is-seduta ta’ 11-il siegħa li matulha tressqu għall-ewwel darba l-Qorti l-Eks Deputat Prim Ministru Chris Fearne u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali Edward Scicluna se jkollha terġa’ ssir wara li ġiet annullata fuq żball tal-Prosekuzzjoni u kienet waħda moħlija – ‘qiesu ma sar xejn.’ Dan ifisser ukoll li qed jinħlew ħafna riżorsi tal-Qorti.
L-esperti legali qalu li kemm l-AĠ kif ukoll il-Kummissarju tal-Pulizija abdikaw mir-responsabbiltà tagħhom. Ma kinux hemm biex mal-uffiċjali tal-Pulizija u l-Avukati tal-AĠ jirrispondu wkoll dwar kif waslu għal ċertu deċiżjonijiet fuq dan il-każ.
Fil-Qorti, l-avukati ta’ Fearne, Scicluna u 12-il persuna oħra saħqu li l-każ kontra l-klijenti tagħhom kien mifni bl-iżbalji, bl-avukat Franco Debono jinsisti f’ħin minnhom li “dan huwa frott l-għaġla”. Li ġara kien li f’ħin minnhom, il-Prosekuzzjoni talbet għat-tneħħija tan-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija DF Advocates iżda d-difiża rribattiet li din il-kumpanija ma teżistix u ma hemm ħadd li jista’ jirrappreżentaha.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ċanfar lill-Prosekuzzjoni u widdibha li “dan huwa nuqqas serju minnha” u li kellha tinfurmah b’din l-iżvolta kmieni filgħodu stess u mhux tard fil-każ. “Fejn kienet dak il-ħin l-AĠ?” qalulna l-esperti legali.
Il-Prosekuzzjoni rrifjutat l-“offertà” tad-difiża biex twaqqa’ l-akkużi kontra DF Advocates u saħqet li jekk din il-kumpanija kienet topera, mela bilfors hemm xi ħadd li jista’ jwieġeb għaliha. Hi qalet li tlieta mill-akkużati, Kenneth Deguara, Kevin Deguara u Jean Carl Farrugia kienu r-rappreżentanti tagħha u li ġew imħarrka dwarha.
Madankollu ħareġ li l-kumpanija ma teżistix b’dak l-isem, iżda taħt isem ieħor. Iżda l-Prosekuzzjoni ammettiet ukoll li t-taħrika saret lil dawn it-tliet persuni u mhux lill-kumpanija speċifika. Fid-dawl tal-annullament tal-ewwel seduta, il-Prosekuzzjoni se jkollha tagħmel lista tal-akkużi ġodda u kollox jerġa’ jibda mill-bidu, bl-akkużi jkunu prattikament l-istess.
Artikolu 13 tal-Att dwar l-Interpretazzjoni jgħid li meta reat jitwettaq minn kumpanija, “kull persuna li, fil-ħin tal-għemil tar-reat, kienet direttur, manager, segretarju jew uffiċjal ieħor simili tal-korp jew għaqda, jew kienet tidher li qed taġixxi f’dik il-kariga, tkun ħatja ta’ dak ir-reat kemm-il darba ma tippruvax li r-reat ikun sar mingħajr it-tagħrif tagħha u li tkun eżerċitat id-diliġenza kollha xierqa biex tevita l-għemil tar-reat.”
Il-fatt li wieħed mill-akkużati li jirrappreżenta lil DF Advocates, li kien ġie mixli b’rabta mal-iskandlu, ma kienx ġie nnotifikat bil-proċeduri u li din il-kumpanija lanqas biss iġġib dan l-isem, hija żball minn naħa tal-prosekuzzjoni, li iżda jidher ċar li min tpoġġa fl-arena tal-battalja ma tantx ingħata l-għajnuna.
Dan jikkonferma n-nuqqas ta’ professjonalità li hemm fil-Korp, u mhux tort tal-Pulizija, imma tort tat-tmexxija minn fuq s’isfel u li dan qed iwassal biex ħafna qegħdin iħallu l-Korp. Li wieħed mill-akkużati li jirrappreżenta lil DF Advocates, li kien ġie mixli b’rabta mal-iskandlu, ma kienx ġie nnotifikat bil-proċeduri u aktar minn hekk kien hemm żball fl-isem li hija ħasra u hemm bżonn li jixxammru l-kmiem.
Dak li seħħ l-Erbgħa hu ta’ “tħassib kbir” u dawn l-“iżbalji prevenibbli” setgħu ġew evitati kieku l-AĠ Victoria Buttgiegieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma “abdikawx ir-responsabbiltajiet tagħhom”, qalulna l-esperti legali.
Kif qal il-President Onorjarju tal-NGO Repubblika Robert Aquilina – il-loġistika li tiddetta l-mod kif il-persuni kienu qed jiġu akkużati ma tagħmilx sens, hekk kif bin-numru kbir ta’ nies akkużati, sempliċement ma kien hemm l-ebda infrastruttura adegwata fil-Qorti biex ilkoll jidhru fl-istess seduta.
Vera huma każijiet differenti, imma bħalma seħħ fid-99 rikors li għamel il-PN fuq il-frodi elettorali fis-Siġġiewi, fejn dawn inqasmu bejn 22 Maġistrat, li kieku l-persuni tressqu f’numru ta’ bejn tlieta u ħames persuni, b’akkużi simili miġbura kif xieraq, bħal li l-politiċi u s-segretarji permanenti jidhru separatament, kien jagħmel aktar sens.
Jekk dan ma kienx possibbli, u l-akkużati kollha jridu jiġu mixlija flimkien, kellhom isiru arranġamenti, anke b’avviż legali, biex jinstab post xieraq fejn issir is-seduta barra l-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta. Dak li ġara wassal għal sessjonijiet twal eċċessivament, li saħansitra wassal lill-Kamra tal-Avukati biex toħroġ direttiva lill-membri tagħha li ma taħdimx wara l-10pm.
Hemm jidher li l-Maġistrat Leonard Caruana ma kienx kuntent b’din id-deċiżjoni fejn huwa xtaq jeħles il-proċeduri fejn fi kliemu stess qal: “anke jekk nibqħu sa bil-lejl.” Hemm kif kien infurmat bid-direttiva tal-Kamra tal-Avukat, appunta data u ħareġ mill-awla.
Filwaqt li ċ-ċirkostanzi tal-każ jibqgħu fl-arja, Aquilina qal li l-possibbiltà li l-proċeduri jiġu annullati hija ta’ “tħassib kbir” u qal li dawn l-“iżbalji prevenibbli” setgħu ġew evitati kieku l-AG Victoria Buttigieg u l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà ma “abdikawx ir-responsabbiltajiet tagħhom”.