Kummerċ Lokali

L-HSBC Malta jniedi l-kampanja tal-istudenti 2024

Immaġni użata għall-kampanja annwali tal-istudenti tal-HSBC Malta

L-HSBC Malta għadhom kemm nedew il-kampanja annwali tagħhom għall-istudenti, fejn qed joffru lil dawk l-istudenti kollha li beħsibhom ikomplu l-istudji tagħhom wara l-età ta’ 16-il sena, b’kont bankarju li jinkludi cashback u ċ-ċans li jipparteċipaw f’kompetizzjoni b’premjijiet kbar x’jintrebħu.

Minn nhar it-3 ta’ Ġunju 2024, sal-aħħar t’Ottubru 2024, dawk l-istudenti kollha li jiftħu kont bankarju ma’ HSBC, u jagħżlu li jkollhom l-ewwel stipendju tagħhom depożitat f’dan il-kont il-ġdid, se jkunu qed jirċievu cashback ta’ €60.

Apparti minn hekk, dawk l-istudenti ġodda li se jkunu qed jiftħu kont bankarju ma’ HSBC matul il-perjodu ta’ din il-kampanja, se jkunu qed jidħlu awtomatikament f’kompetizzjoni biċ-ċans li jirbħu premjijiet kbar waqt avveniment li għaliħ se jkunu qed jittellgħu bil-polza għaxar studenti fortunati. Dan l-avveniment se jkun qed isir fl-Innovation Hub ta’ HSBC, li għadu kif kien modernizzat, f’Ħal Qormi.

Dan il-kont ta’ HSBC għall-istudenti, huwa disponibbli għal dawk l-istudenti kollha full-time sal-età ta’ 30 sena u li jistudjaw f’Malta jew barra minn Malta fil-livell sekondarju jew terzjarju. L-istudenti se jkunu qed jibbenefikaw minn rati tal-imgħax kompetittivi, aċċess faċli għall-kontijiet tagħhom permezz ta’ desktop jew smartphone u contactless debit card li tippermetti pagamenti u ġbid ta’ flus madwar id-dinja. Dan kollu se jkun qed jingħata mingħajr ebda ħlas fix-xahar.

Illum il-ġurnata, sar aktar faċli għal kull student sabiex jiftaħ kont ġdid bankarju. L-istudenti jibdew dan il-proċess online u wara jżuru fergħa ta’ HSBC biex jiffinalizzaw l-applikazzjonijiet tagħhom permezz ta’ appuntament qasir.

L-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-HSBC Malta, Geoffrey Fichte, qal: “Il-kont tal-istudenti tagħna huwa xhieda tal-impenn ta’ HSBC Malta li jappoġġa l-vjaġġ akkademiku tal-istudjużi żgħażagħ. Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-edukazzjoni hija investiment importanti għall-futur, u ninsabu kburin li qed nipprovdu soluzzjonijiet bankarji li jindirizzaw il-ħtiġijiet uniċi ta’ dawn il-professjonisti tal-futur.”