“Joseph biss ma jistax jitkellem – min ma jridux ikompli jikkomunika man-nies?”
Kliem il-mara tal-Eks Mexxej tal-Labour u Eks Prim Ministru Joseph Muscat, li mit-Tlieta filgħaxija spiċċat titkellem għar-raġel tagħha u tgħid li bħalissa għaddejjin stejjer isteriċi.
Dan wara, li permezz ta’ post fuq Instagram, Michelle Muscat attakkat id-deċiżjoni tal-Maġistrat Rachel Montebello li aċċettat it-talba tal-Avukat Ġenerali biex Muscat u sħabu ma jitkellmux dwar il-proċeduri li għaddejin.
Iżda bosta esperti legali insistew li din mhix gagging order hekk kif Muscat flimkien mal-bqija tal-akkużati l-oħrajn, b’mod normali, ġie ordnat biex ma jikkummentax dwar il-każ – iżda s’intendi jista’ jitkellem fuq kwalunkwe suġġett ieħor – inkluż x’siefer jagħmel – u jekk hux minnu li mistenni jsiefer lejn il-Barbados ma’ bankiera kif qed jiġi allegat.
Michelle Muscat allegat li hemm xi persuni li ma jridux lil Joseph Muscat jitkellem, li qed idejjaqhom – f’attakk dirett fil-konfront tal-Uffiċjal Prosekutur Francesco Refalo u l-Maġistrat Rachel Montebello.
Surrealment saħqet li l-fatt li siefru l-għada tas-smigħ tal-kawża – kien hemm min skandalizza ruħu hekk kif tat x’tifhem li siefru fuq xogħol.
Dan filwaqt li rringrazzjat lil miġemgħa, deskritta minn Michelle Muscat bħala ċivili, li nġabret quddiem il-binja tal-Qorti biex jagħtu sostenn lil Joseph Muscat biss – grupp ta’ nies li kienu msejħa sabiex jipprotestaw kontra l-akkużi fil-konfront tal-Eks Mexxej tagħhom iżda mhux l-għada biex jagħtu sostenn lid-Deputat Mexxej attwali tagħhom.
Għaldaqstant, bħalma issa saret prassi, Michelle Muscat ingħaqdet mal-bqija tan-narrattiva tal-Labour b’attakk aħrax u insinwazzjonijiet bla bażi fil-konfront tal-Qrati.
//= $special ?>