Lokali

“Sirt naf li pposponewli l-operazzjoni għax kumbinazzjoni ċempilt jien”

Numru ta’ persuni li tkellmu ma’ Net News qed ikomplu jikkonfermaw kif għadd ta’ operazzjonijiet qed jiġu posposti bla ma jingħataw data oħra.

Persuna partikolari spjegat magħna li mhux talli kellha taqleb dak kollu ppjanat għal din l-operazzjoni, iżda saħansitra tgħaddi ġurnata wara l-oħra b’biża’ li jista’ għandha xi marda terminali.

“Jiena tiegħi żgur ta’ riskju għax għandi boċċa mat-thyroid u meta ħadu t-testijiet biex jaraw x’inhi, qaluli li jkollhom joperawni bilfors biex jibagħtu l-boċċa barra minn Malta. Għadhom ma jafux hux kanċer jew le.”

Dan apparti li saret taf li l-operazzjoni tagħha ġiet posposta għax kumbinazzjoni ċemplet l-isptar għal xi informazzjoni.

“Dalgħodu fettilli nċemplilhom għax il-karta ħaduhieli tal-POYC biex niċċekkja fi x’ħin u xi affarijiet oħra. U qaluli li l-operazzjoni tiegħek ġiet posposta. Għidtilhom dan minn mindu ‘l hawn? U qaluli li suppost kellhom iċempluli, imma kieku ma ċempiltx jien ħadd ma kien iċempel.”

Din il-persuna ilha tistenna għal din l-operazzjoni tliet snin sħaħ wara li ġiet posposta tliet darbiet… u agħar minn hekk issa ħallewha bla ebda data.

“Kelli nipposponi x-xogħol b’ġimgħa għax kien se jkolli ġimgħa l-isptar.”

Sitwazzjoni li anke oħtha għaddiet minnha… hekk kif wara li kellha timxi ma’ dieta speċifika, qalulha li l-operazzjoni tagħha tħassret ukoll.

“Xi ħmistax ilu oħti kellha l-istess problema, kienet se tagħmel operazzjoni tal-istonku u qlaulha li l-operazzjoni tagħha ġiet posposta wkoll mingħajr data oħra għax m’hemmx min jagħti loppju.”

B’din il-persuna tikkritika s-sitwazzjoni tal-biki li s-settur tas-saħħa spiċċa fiha, kaġun tat-tmexxija ħażina tal-Gvern.

“Din negliġenza għalija.”

Sitwazzjoni li skont il-Ministru tas-Saħħa stess, Jo Etienne Abela baqa, biex forsi nieħdu r-ruħ minnha  madwar ħames snin oħra, hekk kif wara disa’ snin ta’ deal frawdolenti, issa se jkun qed jibda s-suppost pjan għas-settur tas-saħħa. Dan wara li l-Gvern Laburista għażel li jarmi l-miljuni ta’ ewro fuq il-barranin minn but il-poplu Malti u Għawdxi, minflok ħaseb fis-saħħa tan-nies.