Mara Tajlandiża ta’ 33 sena nżammet arrestata mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo wara li ġiet mixlija b’reati ta’ vjolenza domestika fil-konfront ta’ żewġha li huwa Malti. Il-mara, li isimha mhux qed jissemma’ biex tiġi protetta l-identità tal-vittma, wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontriha.
Il-każ allegatament seħħ nhar l-Erbgħa bejn is-6pm u d-9pm, meta żvolġa argument bejn il-koppja fil-kċina fejn hi qed tgħid li qabdet sikkina għalih biex tiddefendi ruħha mill-aggressjoni tiegħu. Il-Qorti laqgħet ukoll talba għall-ħruġ ta’ ordni ta’ protezzjoni fil-konfront tar-raġel.
L-Avukat Veronika Spiteri talbet għall-ħelsien mill-arrest tal-mara li kienet miċħuda. L-Avukat qalet li fil-kawża ta’ vjolenza domestika qed ikun hawn inġustizzja kbira. Qalet li l-mara hija l-vittma hawn, u li tispiċċa tmur il-ħabs hi tort tas-sistema għax qed iġġiegħel lill-koppji jkollhom kompetizzjoni għal min jasal l-Għassa tal-Pulizija l-ewwel biex jagħmel ir-rapport.
“Hawn il-vittma vera se tispiċċa l-ħabs,” qalet l-Avukat Difensur. Il-Qorti ċaħdet it-talba minħabba li l-allegat vittma għadu ma xehedx. Dr Spiteri qalet ukoll li dan mhux tort tal-Qorti, u li hi dejjem irrispettat id-deċiżjonijiet tal-ġudikanti, u hekk se tibqa’ tagħmel, imma minħabba kif inhi l-liġi l-Qorti għandha jdejha marbutin.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Sherona Buhagiar.
//= $special ?>