Lokali

AĠĠORNATA: Żagħżugħ arrestat b’rabta ma’ sejba ta’ splussiv fil-Ħamrun

Żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Santa Venera kien arrestat wara li nstab f’garaxx fil-Ħamrun – fejn il-Pulizija sabet splussiv li jaqbel ma’ dak intużat fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu, fil-Ħamrun stess.

Dan hekk kif l-investigazzjoni b’rabta ma’ ħoss ta’ splużjoni fl-inħawi magħrufa bħala tal-Mile End, waslet għall-arrest taż-żagħżugħ – fejn fil-garaxx ġie arrestat is-suspettat u li jidher li nstab xi materjal ieħor.

Kelliema għall-Pulizija spjegaw li bħala prekawzjoni l-Pulizija evakwat ir-residenti fl-inħawi tal-garaxx, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Dwar il-każ inħatret ukoll Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia.

Dan kollu ngħata bidu fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, bl-ewwel impressjoni tar-residenti kienet li kien ħoss ta’ murtal iżda sussegwentament jidher li nstab xi materjal f’landa tal-iskart.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wera minnufih solidarjetà mal-Partit Laburista wara din l-aħbar.