Il-President tal-Parlament Ewropew u kandidata għall-MEP’s tal-Partit Nazzjonalista, Roberta Metsola, bdiet id-diskors tagħha billi rringrazjat lill-Għawdxin kollha tas-sapport kontinwu li wrew matul is-snin, speċjalment bl-opportunità li kellha billi tirrappreżentahom fil-Parlament Ewropew.
Metsola stqarret kif l-Unjoni Ewropea toffri bosta opportunitajiet għaż-zgħażagħ Maltin u Għawdxin, u kif permezz ta’ tmexxija Nazzjonalista dawn l-opportunitajiet huma possibbli. Hi kompliet tfaħħar il-ħidma kbira tal-Għawdxin u sostniet kemm il-ħidma tal-poplu Għawdxi hija rikonoxxuta fuq livell internazzjonali.
Il-President tal-Parlament Ewropew semmiet ukoll in-nuqqas ta’ investiment li sar fil-mezzi ta’ trasport bejn iż-żewġ Gżejjer matul is-snin. Roberta Metsola qalet li l-Għawdxin jixirqilhom vapuri moderni, u li jistgħu jtejbu l-ħajja tagħhom. Hi sostniet kif permezz tal-kandidati tal-PN fl-Unjoni Ewropea, din il-proposta tintlaħaq, u mhux kif wiegħed il-Gvern tal-Labour għal dawn l-aħħar 11-il sena.
Roberta Metsola tkellmet ukoll fuq l-istudenti Għawdxin, u fuq il-bosta diffukultajiet li jsibu biex ikomplu jistudjaw, sew biex jaqsmu għal Malta kuljum, kif ukoll li m’għandhomx biżżejjed faċiltajiet biex ikomplu l-istudji tagħhom f’Għawdex. Hi kompliet issemmi kif il-Gvern Laburista abbanduna għal kollox anke l- infrastruttura ta’ Għawdex.
Apparti minn hekk, semmiet ukoll l-ironija tas-slogan tal-Partit Laburista, li minflok taw is-saħħa lill-Maltin, serqu l-isptarijiet biex jiggwadanjaw huma u sħabhom.
Roberta Metsola kkonkludiet id-diskors tagħha billi enfasizzat il-potenzjal kbir li hemm f’Għawdex, potenzjal għall-attività ekonomika, potenzjal għaż-żgħażagħ Għawdxin, għat-turiżmu u għas-saħħa lill-Għawdxin, u biex jintlaħħaq dan il-potenzjal l-unika mod huwa li s-Sibt li ġej il-poplu jivvota għall-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>