Lokali

Għal darb oħra il-Bajja tal-Balluta f’San Ġiljan mhix tajba għall-għawm minħabba żbroff tad-drenaġġ

Skont id-Direttiva dwar l-Ilma għall-Għawm, id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrintendenza għas-Saħħa Pubblika, qed javża li sakemm joħroġ avviż ieħor, mhux rakkomandat li jsir għawm minħabba żbroff tad-drenaġġ, li affettwa l-kwalità tal-ilma tajjeb għall-għawm u li jippreżenta riskju għas-saħħa tal-għawwiema kif indikat.

L-uffiċjali qed jinvestigaw biex jiddeterminaw is-sors tal-kontaminazzjoni.

It-tul tal-kontaminazzjoni ma jistax jiġi mbassar f’dan l-istadju.

Tabelli li jindikaw iż-żona ġew imwaħħla fis-sit. Meta l-kwalità tiġi restawrata, it-tabelli ser jitneħħew u tinħareġ stqarrija għall-istampa oħra biex tinnotifika lill-pubbliku li s-sit huwa mill-ġdid tajjeb għall-għawm. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tassisti lid-dipartiment fl-identifikazzjoni tas-sors.

Għal aktar informazzjoni, il-pubbliku jista’ jċempel lis-Servizzi tal-Ispettorat tas-Saħħa fuq numru tat-telefon – 21337333 mit-8:00pm sas-2:30pm jew jibgħat email fuq wrau.ehd@gov.mt. Il-pubbliku huwa ġentilment mitlub iżur il-paġna tad-Direttorat fuq Facebook https://www.facebook.com/EHDMalta  jew is-sit uffiċjali fuq https://environmentalhealth.gov.mt għal informazzjoni simili.