Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà mhux talli għadu ma deherx darba fl-Awla tal-Qorti b’rabta mal-Inkjesta Vitals….iżda lanqas biss irid iwieġeb lill-media.
Fl-aħħar jiem, fix-xhieda fil-Qorti, kemm l-Ispettur Wayne Rodney Borg quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana kif ukoll is-Suprintendent Rennie Stivala quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello saħqu li ma saret ebda investigazzjoni minn naħa tal-Pulizija b’rabta mal-każ.
L-għada tal-aħħar xhieda – Net News kiteb sensiela ta’ domandi lill-Kummissarju tal-Pulizija fejn staqsejna għal liema raġuni ma saret ebda investigazzjoni parallela ….u minkejja kollox, kif ma ttieħdet l-ebda azzjoni minn naħa tiegħu.
Agħar minn hekk staqsejna min se jkun qed jerfa’ responsabbiltà għal dan in-nuqqas li qed jissarraf f’detriment għall-process tal-ġustizzja. Iżda, surrealment, irċevejna risposta minn kelliem għall-Kummissarju fejn ingħad li l-Pulizija se tkun qed tikkumenta fil-fora tal-Qorti.
Huwa proprju għalhekk li Net News bagħat id-domandi lill-Kummissarju proprju għaliex il-Pulizija ikkumentat fil-Qorti…..u xehdet li ma saret ebda investigazzjoni.
Ironikament, meta nħatar Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà kien saħaq li xtaq jiltaqa’ mal-media darba fil-ġimgħa biex jagħti aġġornament kontinwu b’dak li kien qed jiġri minn ġimgħa għall-oħra b’rabta ma’ każi varji.
Madanakollu mhux talli issa qiegħed jaħrab milli jwieġeb id-domandi tal-ġurnalisti, talli allegatament lanqas qiegħed iwettaq investigazzjonijiet paralleli f’każ li qed jitqies bħala wieħed mingħajr preċedent – fejn eks Prim Ministru, eks Ministri u Deputat attwali jinsabu, fost l-oħrajn, akkużati bi frodi minn flejjes tal-poplu.
Silenzju li jtarrax minn Gafa – bil-Prim Ministru mhux talli jiddefendi u jiskuża l-aġir tal-Kummissarju talli kompla jixħet aktar dubji fuq il-professjonalità tal-Maġistrat Gabriella Vella.