“Il-PN determinat li jkompli jaħdem fl-interess tal-poplu kemm f’Malta kif ukoll fl-Ewropa”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu dalgħodu fuq Net FM fejn sostna li pajjiżna għaddej minn sitwazzjoni gravi u fakkar li bil-kuntratt frawdolenti tal-isptarijiet ma sar l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa.
Bernard Grech qal li jekk il-Gvern Laburista verament kellu l-interess tal-poplu f’moħħu kien jwaqqaf il-kuntratt li sar ma’ Vitals u Steward iżda ma setgħux għaliex riedu jkomplu jdaħħlu l-flus fil-but. Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li Robert Abela huwa kompliċi għaliex kompla jgħaddilhom il-miljuni u baqa’ jiddefendihom sal-aħħar. Bernard Grech stqarr li għandna Prim Ministru kkontrollat u li qed jaqdi lill- kriminali u mhux lill-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li bena l-Isptar Mater Dei u dak tal-onkoloġija; kien ukoll Gvern Nazzjonalista li investa bis-sħiħ fis-settur tas-saħħa state of the art. Madankollu, Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni sabiex jinbena sptar ġdid f’Għawdex kif ukoll l-isptar mentali.
B’rabta mal-elezzjoni li tinsab biss ġimgħa bogħod Bernard Grech fakkar li l-Partit Nazzjonalista għandu numru ta’ proposti għal kull lokalità dan għaliex kull lokalità f’Malta u Għawdex għandu l-karaterristiċi tiegħu. Apparti minn hekk, Bernard Grech qal li għall-Partit Nazzjonalista Għawdex huwa prijorità u jixraqlu vapur li jaħdem b’effiċenzja u mhux wieħed second hand.
Intant Bernard Grech, ħeġġeġ lill-poplu sabiex joħroġ jivvota lill-Kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista għaliex determinati li jaħdmu f’isem il-poplu Malti u Għawdxi kemm f’livell nazzjonali kif ukoll dak Ewropew.
//= $special ?>