Elezzjonijiet 2024 Lokali

Iwiegħed li l-PN jibqa’ jaħdem fl-interess nazzjonali fil-Parlament Ewropew

Ritratt: Matthew Tabone

Fid-diskors tiegħu f’Għajnsielem f’Għawdex, il-kandidat għall-MEP’s f’isem il-Partit Nazzjonalista David Casa, beda d-diskors tiegħu billi fakkar kemm il-PN dejjem kellu fiduċja f’ Għawdex matul is-snin, u kif kien dejjem frott il-ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista li din il-gżira dejjem kienet ta’ livell għoli.

Casa kompla jgħid kif 5 snin ilu l-poplu ta l-fiduċja lilhu biex jirrapreżenta lilhom fil-Parlament Ewropew, u wiegħed jekk il-poplu jagħti mill-ġdid il-fiduċja lill-kandidati kollha tal-PN, se jkunu hemm għalihom f’kull okkażjoni, għall-kuntrarju ta’ dak li għamlu l-membri Ewropej tal-Partit Laburista, li flimkien ma’ sħabhom mhux biss biegħu s-saħħa tal-Maltin, iżda raw x’għamlu biex iggwadanjaw b’mod personali.

Il-kandidat David Casa kompla d-diskors tiegħu billi kompla jikkumpara dak li għamlu l-Gvern tal-Labour, li f’dawn l-aħħar 10 snin abbandunaw totalment din il-gżira tant prezzjuża, ma dak il-ħafna xogħol li sar fi żmienijiet ta’ Gvernijiet Nazzjonalisti, fosthom bis-saħħa tal-fondi tal-Parlament Ewropew.

L-MEP David Casa fisser kif il-PN fil-Parlament Ewropew se jibqa’ jaħdem fl-interess nazzjonali, kif ukoll tkellem fuq il-piżijiet li qed iġorru l-pażjenti u l-familji Għawdxin u Maltin, li huma vittma tas-serqa tal-isptarijiet.