Elezzjonijiet 2024 Għawdex Lokali

“Jekk trid il-bidla fil-pajjiż ivvota lill-kandidati kollha tal-PN li se jaħdmu għalik ” – Bernard Grech

“Jekk trid il-bidla fil-pajjiż ivvota lill-kandidati kollha tal-PN għaliex b’determinazzjoni se jaħdmu għalik sabiex ikollok ħajja aħjar bi tmexxija li tpoġġik l-ewwel u qabel u kollox.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt attività politika li saret is-Sibt filgħaxija, f’Għajnsielem, bit-tema “Għalik”.

Bernard Grech qal li ġimgħa oħra l-poplu għandu għażla importanti quddiemu li jagħżel bejn kandidati li jridu jagħmlu l-ġid il-pajjiż, jew dawk il-kandidati li huma parti minn partit mifni b’numru ta’ skandli. Huwa fakkar li l-Partit Laburista moħħu biss fl-elezzjoni, dan filwaqt li l-poplu Malti u Għawdxi mhuwiex prijorità għalih.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li l-Inkjesta Maġisterjali b rabta mad-deal frawdolenti li sar ma’ Vitals u Steward ikkonfermat li Robert Abela kien ilu jaf b’din il-ħadma mill-2021. Kien għalhekk li Robert Abela għamel minn kollox sabiex dan id-deal jibqa’ għaddej u ddefendihom sal-aħħar nifs. Bernard Grech fakkar li l-Maġistrat stess qalet li sabet diffikultà sabiex twettaq l-investigazzjonijiet kollha meħtieġa.

Bernard Grech stqarr li l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg m’għamlux dmirhom b’rabta ma’ din l-Inkjesta, u wissa li l-liġi tapplika għal kulħadd.

Huwa qal li fi ħdax-il sena ma kien hemm l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa tant li l-isptar ġdid f’Għawdex qatt ma nbena, dan apparti l-isptar mentali biswit Mater Dei wkoll qatt ma nbena. Madankollu, il-poplu Malti u Għawdxi spiċċa nsteraq €400 miljun minn buthom f’deal frawdolenti u li sar b’kollużjoni. Hawnhekk, Bernard Grech stqarr li l-Labour mhux talli ma tax is-saħħa lill-Maltin, talli seraqha.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li kien Gvern Nazzjonalista li investa b’mod sħiħ fis-settur tas-saħħa tant li bena l-Isptar Mater Dei kif ukoll sptar tal-onkoloġija. Għaldaqstant, Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni sabiex jinbena l-isptar ġdid f’Għawdex, li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fl-isptar San Luqa, li jinbena l-isptar mentali biswit l-Isptar Mater Dei, fost proposti oħra.

Bernard Grech qal li l-Partit Nazzjonalista kommess li jagħti prijorità lil Għawdex sabiex l-Għawdxin ukoll ikollhom ħajja aħjar.