Lokali

Joseph Muscat jikkonferma li mar ċ-Ċina, jgħid li “mhu affari ta’ ħadd” fejn isiefru hu u l-mara

Joseph Muscat jikkonferma illi siefer lejn iċ-Ċina fil-jiem wara li ġie mħarrek, b’Michelle Muscat propju lbieraħ tikkonferma illi anke hi tinsab barra minn Malta fl-Iżvizzera.

Mal-ġurnal Times of Malta, Joseph Muscat ikkonferma li surrealment l-għada li tela’ l-Qorti akkużat bi frodi, ħasil ta’ flus u misappropjazzjoni fost l-oħrajn, huwa siefer lejn iċ-Ċina, għal dak li skontu qed isejjaħlu xogħol. Dan filwaqt li ma ċaħad bl-ebda mod li se jkun qed isiefer lejn Barbedos fiż-żmien li ġej.

B’Muscat jinfexx f’attakk fuq is-sorsi tal-avukat Jason Azzopardi u l-awtur Mark Camilleri, illi kkonfermaw din is-safra. Bl-eks Mexxej Laburista jsejjħilhom persuni morda u ffissati fuqu.

Intant, huwa stqarr illi l-familja Muscat ma għandiex biżejjed flus sabiex iħallsu safra għall-terzi persuni dan wara li sorsi żvelaw li ma’ Joseph Muscat u martu, se jkunu qed isiefru 40 persuna oħra lejn Barbedos, b’dawn il-persuni jkollhom kollox imħallas. B’Muscat jgħid illi il-familja tiegħu ma għandiex biżejjed flus sabiex tħallas safra għal terzi persuni.

L-eks Mexxej tal-Labour spjega ukoll illi minkejja li qed jagħmel ix-xogħol tiegħu, u se jkun qed jitħallas, mhux ħa jkun jista’ juża’ dawn il-flus minħabba l-ordni ta’ ffriżar ta’ 30 miljun ewro wara li qed jiġi akkużat b’ħasil ta’ flus, frodi, assoċjazzjoni kriminali fost l-oħrajn, fid-dawl tal-Inkjesta Vitals.