Elezzjonijiet 2024 Lokali

“Flimkien nistgħu nirbħu t-tielet siġġu fil-PE għall-ġid tal-poplu Malti kollu” – David Agius

Fid-diskors li għamel waqt l-attività politika f’Birkirkara, l-kandidat għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew David Agius beda billi sostna l-importanza ta’ nies Karkariżi li huma ta’ importanza fl-istorja politika Maltija, fosthom Eddie Fenech Adami, li hu magħruf bħala missier Malta Ewropea. Hu rringrazzja wkoll lil Beppe u Michael Fenech Adami, li komplew jimxu fuq il-passi ta’ missierhom.

Hu semma wkoll kif Birkirkara tat lill-Partit Nazzjonalista lid-deputat u eks-mexxej tal-PN Adrian Delia, filwaqt li rringrazzja tar-rebħa li għamel għal Malta – rebħa li ġabet lura l-isptarijiet għand il-poplu.

David Agius irringrazzja wkoll lil eks-mexxej tal-PN Simon Busuttil tal-ħidma tiegħu sabiex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.

Faħħar ukoll ix-xogħol tad-deputati Justin Schembri u Julie Zahra, li wkoll huma minn Birkirkara, kif ukoll ix-xogħol ta’ diversi persui oħrajn Karkariżi li ħadmu tant għal pajjiżna.

Hu sostna li fit-8 ta’ Ġunju, il-poplu għandu d-dritt li jivvota lil min jixtieq jirrapreżentah fl-Unjoni Ewropea – dritt li ħdimna tant għalih bħala poplu Malti, bħalma vvutajna IVA biex nsiru membri tal-Unjoni Ewropea.

Agius sostna li l-Partit Laburista kien u għadu qed iwettaq kampanja ta’ negattività, filwaqt li hu u l-kandidati tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni tal-MEPs qed jaħdmu għas-sew, billi jkomplu jippromwovu l-valuri demokristjani u jiġġieldu għal ġid tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Hu temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lil kulħadd jagħti l-ewwel vot lil Roberta Metsola sabiex hi tkompli taħdem għall-ġid tal-poplu Malti u Għawdxi kollu. Hu kompla billi sostna l-importanza li l-poplu jivvota għall-kandidati kollha tal-Partit Nazzjonalista, għax huma lesti jkunu l-vuċi tal-Maltin u Għawdxin kollha.